Meta wieħed jgħid il-frażi “miktub iswed fuq l-abjad” ikun irid ifisser li min kitbu kommess li jwettqu, li ma tistax tmerih għaliex dak li jinkiteb ma jitħassarx. Kien hemm ħafna affarijiet miktuba iswed fuq l-abjad fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Kien hemm ħafna wegħdiet li laqtu n-nies. Kien hemm ħafna kliem fieragħ li jidher sabiħ.
Dawn huma biss partijiet minn dak li kien miktub iswed fuq l-abjad fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista: “Għax għalina Malta mhux ta’ dak jew l-ieħor. Mhux ta’ xi klikka. Malta lanqas mhi ta’ xi politiku jew xi partit. Dak iż-żmien spiċċa…”
Il-Partit Laburista ma kellu l-ebda problema li jikteb dan il-kliem, però qed juri bil-fatti li għandu problema biex isegwi dak li kiteb. Malta, iva hi ta’ klikka – klikka ta’ nies li għenu lill-Partit Laburista jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali biex appuntu, Malta ssir tagħhom. Dan mhux qed ngħidu jiena iżda jurih ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li qal ċar u tond li membru ewlieni tal-Gvern ta’ Muscat, Michael Falzon li kien Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-PM stess, iffaċilita t-trasferiment tal-art lil Gaffarena.
Minkejja dan, il-Prim Ministru ddefenda lil Michael Falzon. Anzi, qal li hu xempju tal-irġulija. Dan hu l-istess Joseph Muscat li tant kien jisħaq bir-responsabbiltà politika – li però, meta ffaċċjat b’test bħal dan, falla u falla bil-kbir.
U din mhix l-ewwel darba li Joseph Muscat iddefenda lil min għamel ħażin – kien diġà għamel hekk ma’ Cyrus Engerer u ma’ Manwel Mallia. Taf x’nesa jikteb Joseph Muscat fil-manifest elettorali? Li meta ma tikkundannax il-ħażin, tkun qed tapprovah.
Wegħda
“Jien dan li nwiegħdek. Li pajjiżek se jkun tiegħek.” Din ukoll kienet fil-manifest elettorali Laburista. Biss, fil-pront, ta waħda mill-ftit zoni naturali li fadal f’pajjiżna lil imprenditur barrani biex jibni dak li ddeskriva bħala Università Amerikana. Iżda din ftit li xejn għandha mill-element Amerikan u wisq inqas hi università, iżda l-importanti, kif dejjem għamel dan il-Gvern, hu li nużaw kliem sabiħ biex il-proġett jidher isbaħ. Konsistentement jgħid lin-nies dak li jridu jisimgħu, iżda wara ftit jindunaw bil-fatti li mhux kulma jleqq hu deheb. Fl-istess waqt, se jtappan bajja bħalma hi dik ta’ Marsaxlokk b’tanker tal-gass li apparti d-dehra, iġib ukoll periklu għan-nies ta’ madwaru.
“Jekk int ħaddiem, ikollok xogħol li jkun jixraqlek.” Kien jgħidha din il-frażi lill-ħaddiema tad-De La Rue u li llum qegħdin fir-riskju jitilfu l-impjieg tagħhom? Dawn ħaddiema, xogħolhom qiegħed imdendel, iżda l-Gvern x’qed jagħmel biex jara li dawn in-nies iżommu x-xogħol tagħhom? Kien jgħidha lill-ħaddiema tal-Air Malta? U lill-ħaddiema tal-Enemalta? Għaliex dawn ħaddiema, iżda hux se jibqa’ jkollom xogħol huwa inċert, u żgur li ħadd ma jixraqlu hekk.
Moviment
“Moviment li joffri aspirazzjoni għal kull min irid jimxi ‘l quddiem.” Iżda min irid jimxi ‘l quddiem x’qed isib? Qed isib li jekk ma tkunx tal-qalba ma tiħux promotions – bħal ngħidu aħna fl-Armata. Qed isib li jekk ma tkunx tal-qalba ma tingħatax kuntratti ta’ eluf kbar ta’ ewro maċ-Ċivil.
Qed isib li jekk ma tkunx tagħna lkoll, il-bieb se ssibu magħluq għaliex il-postijiet jingħataw lill-familjari u ħbieb u mhux lill-popolin, anke jekk dan ikun jixraqlu iktar. Dawn huma kollha frażijiet mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista – kollha meħudin minn paġna waħda biss, f’dokument li jġib il-firma ta’ Joseph Muscat.
Frażi waħda biss għadha tapplika verament għal-lum il-ġurnata: “Fl-elezzjoni li jmiss int għandek l-opportunità li ġġib il-bidla li pajjiżna jeħtieġ”.
Din hi l-frażi li l-poplu jrid iżomm f’moħħu u jmur jivvota biha – għaliex verament il-pajjiż għandu bżonn il-bidla li jeħtieġ … anzi, il-bidla li tixraqlu! Il-pajjiż għandu bżonn gvern li verament jara l-iżvilupp ta’ pajjiżna bħala prijorità, li jara li l-ġid ikun verament komuni – il-poplu jistħoqqlu gvern ta’ kulħadd u mhux biss tal-ftit nies ta’ madwaru. Il-poplu jixraqlu lill-Partit Nazzjonalista fil-gvern għaliex hu dak il-partit li verament hu t-tarka tal-poplu u li jrid il-ġid lil pajjiżna.
//= $special ?>