Mil-librerija tan-Nadur issellfu kważi nofs il-kotba mislufa f’Għawdex

Kważi nofs il-kotba li ssellfu mil-libreriji f’Għawdex is-sena li għaddiet, kienu mislufa mil-librerija tan-Nadur immexxija mill-Kunsill Lokali tan-Nadur.

B’kollox is-sena li għaddiet kienu mislufa f’Għawdex total ta’ 134,545 ktieb. Mil-librerija tan-Nadur kienu mislufa 57,633 ktieb.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament meta l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, wieġeb mistoqsija tax-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said.

F’Għawdex hemm il-librerija reġjonali fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat, u 11-il librerija oħra lokali f’Għajnsielem, l-Għarb, l-Għasri, Kerċem, Nadur, il-Qala, San Lawrenz, Tas-Sannat, ix-Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.

Jirriżulta mill-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament, li mil-librerija reġjonali fir-Rabat issellfu 31,760 ktieb, u mil-librerija fil-lokaliltà tax-Xagħra 10,805 ktieb. Il-kumplament tal-libreriji sellfu anqas minn 7,000 ktieb kull wieħed matul is-sena li għaddiet.

Ir-riżultat tajjeb li nkiseb fil-lokalità tan-Nadur hu riżultat tal-investiment li għamel il-Kunsill tan-Nadur matul is-snin biex il-kotba żdiedu b’aktar minn erba’ darbiet, u biex tkabbret u ġiet modernizzata l-librerija.

Statistika li ħarġet is-sena li għaddiet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kienet turi li fl-2014, is-self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi f’pajjiżna kien naqas b’17.3% meta kkumparat mal-2013.