Lokali

Miżmum il-permess għall-ispettaklu tan-nar tal-Għaqda tal-Pawlini

L-Għaqda tal-Pawlini tal-Belt Valletta illum ħabbret li l-awtoritajiet żammewlha l-permessi għall-ħruq tan-nar tal-ajru li kellu jsir illum il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar għall-festa ta’ San Pawl tal-Belt.

Dan l-ispettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru fi tmiem il-marċ ta’ lejliet il-festa ta’ San Pawl ilu jsir snin twal u n-nar kien jinħaraq mill-Port il-Kbir kif kien se jsir anke din is-sena.

Skont rapporti, l-oġġezzjoni li wasslet biex ma nħarġux il-permessi saret minn Heritage Malta minħabba mużew li nfetaħ fil-grawnds tal-Forti Sant’Iermu. Dan il-mużew jinsab 190 metru ’l bogħod miz-zona minn fejn jittella’ n-nar tal-ajru għall-festa ta’ San Pawl – qrib il-breakwater.

Dan ifisser li l-kwistjoni ddur madwar 10 metri għax il-liġi tgħid li biex il-permess jinħareġ irid ikun hemm distanza ta’ mitejn metru. Apparti minn hekk, ir-regolamenti jgħidu li d-distanza ta’ 200 metru tapplika għal residenzi, u mużew mhux meqjus bħala residenza.

Kelliem għall-organizzaturi tal-festa ta’ San Pawl qal li minħabba li saru jafu li l-permess ġie miżmum fl-aħħar ħinijiet ma kienx hemm iċ-ċans li jsiru arranġamenti alternattivi.

Il-President tal-Għaqda tal-Pawlini Mario Cassar qal lil ‘In-Nazzjon’ li hija ħasra li din is-sena dan l-ispettaklu mhux se jsir, anke għaliex l-għaqda tkun ġabret ħafna flus mingħand il-partitarji Pawlini għal dan il-logħob tan-nar.

Hu sostna wkoll li jittama li wara dak li ġara din is-sena fil-festa ta’ San Pawl, issa l-affarijiet jimxu bl-istess mod ma’ kulħadd u qal li biex kollox isir b’mod ġust l-istess kriterju għandu japplika anke għall-attivitajiet governattivi li se jsiru fiż-żmien qrib.

“L-ewwel daqqa ta’ mazza qlajnieha aħna l-Pawlini b’din l-aħbar li ħasditna…nittamaw li issa l-awtoritajiet jimxu l-istess ma’ ħaddieħor,” sostna.

Fi stqarrija, l-għaqda infurmat lill-pubbliku li f’dawn iċ-ċirkostanzi xorta se ttella’ xogħol pirotekniku u nar tal-art biex tiggarantixxi spettaklu alternattiv lil dawk li se jkunu preżenti fil-kapitali għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ San Pawl Nawfragu li din is-sena se ssir għada s-Sibt 30 ta’ Jannar minħabba li l-10 ta’ Frar se jaħbat Ras ir-Randan.