Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-ingann tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fi stqarrija, maħruġa mix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tal-Anzjani Robert Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed jigdeb lill-anzjani biex mingħalih jiskorja xi punti politiċi. Dan għaliex hi gidba mill-bidu sal-aħħar li l-pensjonijiet tal-anzjani qed jiżdiedu għall-ewwel darba.
Il-Partit Nazzjonalista qal li jidher li Muscat nesa, jew konvenjentament qed jipprova jnessi, li fil-leġiżlatura li għaddiet il-Gvern Nazzjonalista għolla wkoll iż-żieda ta’ kull anzjan u anzjana biż-żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa, inkluż għal dawk li jirċievu l-pensjoni minima.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li jekk hemm partit politiku f’Malta u Għawdex li verament ħadem biex l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar hu l-Partit Nazzjonalista, li minbarra żidiet fil-pensjoni, nieda skemi li jinċentivaw lill-anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol. Gvern Nazzjonalista ta wkoll l-għotja ta’ €300 lill-anzjani, li jibqgħu jgħixu fi djarhom bla ma dan il-Gvern żied l-ammont.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-ħafna ftaħir ta’ żidiet fil-pensjoni mhux se jgawdu minnhom l-anzjani kollha, iżda huma biss il-minoranza li se jaraw din iż-żieda, filwaqt li aktar minn 75,000 pensjonant se jibqgħu b’xejn. Fakkar kif Muscat qed jagħmel sinjur lil min irid hu, filwaqt li lil ħaddieħor iħallih għal riħu. Konferma ta’ dan toħroġ miż-żieda ta’ 2,500 fin-numru ta’ anzjani li jinsabu fir-riskju tal-faqar f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-anzjani tagħna llkol spiċċaw vittma tal-politika ta’ ingann ta’ Muscat, filwaqt li qed ikollhom iħallsu għall-korruzzjoni tal-Gvern.
//= $special ?>

