Qorti

Ordnat jagħmel xogħol fil-komunità biex ipatti għal għemilu

Jason Zammit, ta’ 41 sena, minn Għajnsielem Għawdex ġie ordnat mill-Qorti t’Għawdex biex iħallas iktar minn €11,000 u jagħmel 200 siegħa xogħol fil-komunità wara li nstab ħati li approprja minn erba’ quad-bikes li kellu l-obbligu li jrodd lura.

Il-Maġistrat Joe Mifsud sab lil Zammit ħati li f’Lulju tal-2008 u fix-xhur ta’ qabel, approprja ruħu u dawwar fi profitt l-erba’ quad-bikes propjetà ta’ żewġ persuni oħra li lilhom irid iħallas id-danni fi żmien sitt xhur, kif ukoll li kien reċidiv.

Il-Qorti ddeċidiet li ma tagħtix sentenza ta’ priġunerija imma ta’ xogħol fil-komunità biex l-imputat ipatti għal għemilu. Il-Maġistrat qies li jkun aħjar għas-soċjetà u għall-parti ċivili jekk l-imputat ikompli jaħdem u b’hekk ikollu minn fejn iħallas lill-vittmi l-bilanċ tal-flus tal-oġġetti meħuda minnu iżda l-Qorti nsistiet li l-ħati għandu jifhem kemm hu ħażin dak li għamel u li għalih irid iħallas lis-soċjetà li hu offenda bir-reati tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Ivan Cilia u Frank Anthony Tabone.