Sport Waterpolo

Peter Biros se jirtira fi tmiem l-istaġun

Fil-ġurnata tal-Erbgħa, l-Ungeriż Peter Biros ħabbar li se jirtira mil-logħba tal-Waterpolo fi tmiem l-istaġun. L-Ungeriż li jilgħab ma’ ZF Eger se jsir il-kowċ tat-tim Nazzjonali tan-nisa tal-Ungerija.

Biros, li għandu 39 sena kellu karriera brillanti bi tliet midalji tad-deheb li rebaħ fl-Olimpjadi. Biros beda fix-xena internazzjonali fl-1999 u skurja 5 gowls kontra l-Italja u l-Kroazja fil-finali tal-Kampjonati Ewropej li kienu saru ġewwa Firenze.

Minn dak iż-żmien, Biros kien sar parti integrali mill-iskwadra Ungeriża li rebħet diversi unur. Fost dawn, Peter Biros rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1999 u l-2003 ġewwa Barcelona, żewġ titli mondjali fl-2003 u l-2004, erba’ midalji tal-bronż fil-Kampjonati Ewropej kif ukoll żewġ midalji tal-Fidda fil-Kampjonati tad-Dinja. Biros irtira mix-xena internazzjonali wara l-Olimpjadi tal-2012 li saru f’Londra.

Biros ilu parti mit-tim ta’ ZF Eger mill-2007 u rebaħ il-kampjonat Ungeriż fl-2013 u fl-2014 flimkien mat-tazza Nazzjonali. L-Ungeriż xejjer il-bandiera ta’ pajiżu fl-Olimpjadi tal-2008, rebaħ il-plejer tas-sena tal-Ungerija ħames darbiet u l-plejer tas-sena tal-LEN fl-2008.

Peter Biros lagħab ukoll fil-Waterpolo lokali meta nġieb minn San Ġiljan fl-2013 filwaqt li fl-aħħar sentejn lagħab ma’ Neptunes fejn rebaħ il-Kampjonat, in-Knock-out u t-Tazza tal-President.