Internazzjonali

Is-Senat Taljan beda jiddiskuti l-unjoni ċivili

Is-Senat Taljan beda jevalwa abbozz għall-unjoni ċivili għall-koppji tal-istess sess meta dan is-suġġett ħoloq diżgwid profond fil-pajjiż u kapaċi jirriżulta f’riperkussjonijiet negattivi għall-Gvern tal-Prim Ministru Matteo Renzi.
Id-dibattitu wassal għal dimostrazzjonijiet fit-toroq, b’għexieren ta’ eluf ta’ sostenituri tal-abbozz jorganizzaw attivitajiet tul il-pajjiż waqt li l-avversarji tal-abbozz qegħdin jippjanaw rally għall-massa f’Ruma li għandu jsir għada.
Fl-2007, dimostrazzjoni kbira bit-tema ‘Jum il-Familja’ kienet wasslet biex il-Gvern taċ-ċentru-xellug immexxi minn Romano Prodi jirtira proġett għall-unjoni ċivili ħafna anqas ambizzjuż minn dan attwali. Il-kampanja ‘favur id-drittijiet’ issemmiet fost ir-raġunijiet għaliex il-Kabinett ta’ dak iż-żmien kellu jxolji fl-ewwel jiem tal-2008.
Sadanittant, is-sostenituri tal-abbozz, fl-Italja, illum qed jgħidu li l-pajjiż m’għandux għażla ħlief jinbidel. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani kemm-il darba kkritikat id-dewmien għall-proċess tal-unjoni ċivili inkwistjoni, bil-qrati tal-familja, fl-Italja, diġà qegħdin jippermettu l-adozzjoni tat-tfal, f’ċerti każi.
Kif inhu ppreżentat, l-abbozz jippermetti li l-membri ta’ koppja tal-istess sess jimpenjaw lil xulxin quddiem uffiċjal tal-Istat.L-abbozz jippermetti wkoll li l-membri ta’ koppja jirtu ċerti drittijiet tal-pensjoni. Dan waqt li huma jieħdu l-isem ta’ xulxin u, f’ċerti ċirkostanzi, jadottaw it-tfal ta’ xulxin imma din tal-aħħar hi dik li l-aktar qed toħloq polemika fl-Italja.
Il-Papa Franġisku wkoll daħal fid-dibattitu fejn, dan ix-xahar, fakkar lill-Kattoliċi li l-Knisja tiċħad il-forom kollha ta’ unjoni barra ż-żwieġ bejn mara u raġel.
L-aħħar stħarriġ fl-Italja juri poplu ‘maqsum’ dwar il-kunċett tal-unjoni ċivili, iżda l-indikazzjonijiet huma li ħafna Taljani jopponu bil-qawwi għall-adozzjoni tat-tfal minn koppja tal-istess sess.