Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum iltaqa’ mar-rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest Ira Losco. Simon Busuttil awgura lill-kantanta kull suċċess għall-Eurovision Song Contest, li se jsir f’Mejju, filwaqt li qalilha li din is-sena l-parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision fissret tama ġdida għaliha fejn jidħol il-Festival, hekk kif diġà kienet irrapreżentat lil pajjiżna fl-2002.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li jifhem li bħalissa tinsab impenjata b’ħafna żjarat u xogħol marbut mal-kanzunetta, iżda rringrazzjaha talli sabet il-ħin u laqgħet l-istedina tiegħu. Min-naħa tagħha, Ira Losco qalet li se tkun qed tagħmel minn kollox biex tikseb riżultat eċċellenti għal pajjiżna. Qalet ukoll li għalkemm diġà marret għall-Eurovision, għaliha din is-sena xorta se tkun esperjenza differenti, hekk kif trid tipparteċipa wkoll fis-Semi Finali.
Ira Losco qalet li flimkien mat-tim kollu se tagħmel dak kollu possibbli biex tgħaddi mis-Semi Finali ħalli eventwalment issib postha fil-Finali. B’hekk, pajjiżna jimmira għal premju akbar. Hi rringrazzjat ukoll lill-Kap tal-Partit Nazzjonalisa talli l-għada tal-Malta Eurovision kien minn tal-ewwel li għamlilha l-istedina tiegħu.
Simon Busuttil kellu wkoll l-opportunità li juri lill-kantanta l-inizjattiva li niedha hu stess bħala Kap tal-Partit, l-inizjattiva “Perspettivi”, fejn qed jagħti l-opportunità lill-artisti Maltin biex jesebixxu l-pitturi tagħhom fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali. Hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Rosette Thake u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Komunikazzjoni Clyde Puli.
//= $special ?>

