Internazzjonali

Tmut il-mara li ilha snin tipprotesta quddiem il-White House

Mara li ilha għexieren ta’ snin bi protesta ta’ paċi quddiem il-White House, mietet it-Tnejn li għadda.

Concepcion Picciotto, magħrufa wkoll bħala Conchita jew Connie, kienet magħrufa ferm f’Washington DC fejn iddedikat ħajjitha timbotta l-messaġġ ta’ paċi u kontra ż-żieda tal-attività nukleari.

Il-mara, li kellha madwar 80 sena, kienet tgħix u torqod f’tinda żgħira tal-plastik qrib il-White House. Il-mara kienet toqgħod f’din it-tinda 24 siegħa kuljum peress li jekk titħalla mhix kustodita, it-tinda kienet titneħħa kif tneħħiet għal ftit żmien fl-2013 meta r-raġel li kien suppost joqgħod fiha matul il-lejl, illarga u l-awtoritajiet żarmawha.

Picciotto ilha fi Pjazza Lafayette mill-1981 u kuljum kienet titkellem ma’ numru ta’ turisti. Il-mara kienet twieldet fi Spanja u kienet marret tgħix fi New York minħabba xogħol. Iktar tard iċċaqilqet għal Washington wara li ż-żwieġ tagħha ntemm.

Fi stqarrija maħruġa minn The Peace House, intqal li Picciotto hi l-iktar persuna li serviet fit-tul bħala volontarja għall-kawża kontra l-ħidma nukleari. Mhix magħrufa r-raġuni tal-mewt tagħha.