Internazzjonali

Żvelati l-aktar 50 belt perikoluża tal-2015 … 21 minnhom jinsabu fil-Brażil

Għadha kemm ħarġet lista tal-aktar 50 belt tad-dinja fejn jispikka l-periklu u meta numru sorprendenti ta’ dawn – 21 – jinsabu fil-Brażil.

Il-kontinent tal-Amerika Latina jispikka bil-kbir f’din il-lista ‘tal-mistħija’ ippreżentata mil-Kunsill taċ-Ċittadini tal-Messiku għas-Sigurtà Pubblika u Ġustizzja Kriminali. Dan meta xejn anqas minn 41 mill-50 belt imsemmija jiffurmaw parti mir-reġjun partikolari.

It-traffikar tad-droga, il-gwerer bejn gruppi kriminali, in-nuqqas ta’ stabbilità politika, il-korruzzjoni u l-faqar kollha jaħtu għar-rati ta’ omiċidju madwar ir-reġjun tal-Amerika Latina li għandu biss 8 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija.

Iżda l-lista ‘tal-mistħija’ mhix riservata biss għall-Amerika Latina meta tinkludi wkoll bliet tal-Istati Uniti bħal St Louis, Baltimore, Detroit u New Orleans.

Fl-ewwel post ‘fl-iskala ta’ vjolenza’ hemm Caracas, il-kapitali tal-Veneżwela u skont ir-ranking li jibbaża fuq in-numru tal-omiċidji għal kull 100,000 residenti tal-belt, matul l-2015.

L-evalwazzjoni partikolari ma tinkludix zoni ta’ gwerra, b’Caracas tieħu post San Pedro Sula, fil-Honduras, bħala l-‘agħar għall-vjolenza’. Dan hu anki sinifikanti peress li San Pedro Sula għandha reputazzjoni infami għall-aħħar, tant, li kienet ilha fl-ewwel post tal-lista tal-aktar 50 belt perikolużi fid-dinja għall-erba’ snin preċedenti.

Is-sitwazzjoni politika u ekonomika fil-Veneżwela qed taqleb dejjem għall-agħar u l-osservaturi jemmnu li hi l-kaġun għall-aħħar ‘splużjoni ta’ vjolenza’ f’Caracas u numru ta’ bliet oħra. Intant, San Pedro Sula tinsab ‘it-tieni fil-lista għall-2015′ wara li r-rata tal-omiċidji fi ħdanha niżlet minn 171.20 għal 111.03.

San Salvador, il-kapitali ta’ El Salvador; il-belt Messikana ta’ Acapulco u Maturin, fil-Veneżwela, jgħaqqdu t-‘Top Five’ fl-aħħar lista li ħejja l-Kunsill taċ-Ċittadini tal-Messiku għas-Sigurtà Pubblika u Ġustizzja Kriminali.

L-Afrika t’Isfel ukoll għandha rappreżentanza partikolari f’din il-lista b’Cape Town (fid-disa’ post), Durban (41), Nelson Mandela Bay (42) u Johannesburg (47). Il-belt ta’ Kingston, fil-Ġamajka, tinsab fit-33 pożizzjoni waqt li ħamest ibliet Messikani – Chihuahua, Cuernavaca, Juarez, Nuevo Laredo u Torreon – m’għadhomx jiffurmaw parti ‘mill-50′ minħabba tnaqqis sinifikanti fir-rati ta’ omiċidji lokalizzati.

Dawn huma l-50 l-aktar bliet perikolużi fid-dinja (fuq bażi ta’ omiċidji għal kull 100,000 abitant) għall-2015:

1) Caracas (Veneżwela), 2) San Pedro Sula (Honduras), 3) San Salvador (El Salvador), 4) Acapulco (Messiku), 5) Maturin (Veneżwela), 6) Distrito Central (Honduras), 7) Valencia (Veneżwela), 8) Palmira (Kolombja), 9) Cape Town (Afrika t’Isfel), 10) Cali (Kolombja), 11) Cuidad Guayana (Veneżwela), 12) Fortaleza (Brażil), 13) Natal (Brażil), 14) Salvador (Brażil), 15) St Louis, Missouri (Stati Uniti), 16) Joao Pessoa (Brażil), 17) Culiacan (Messiku), 18) Maceio (Brażil), 19) Baltimore, Maryland (Stati Uniti), 20) Barquisimeto (Veneżwela), 21) Sao Luis (Brażil), 22) Cuiaba (Brażil), 23) Manaus (Brażil), 24) Cumana (Veneżwela), 25) Belt tal-Gwatemala (Gwatemala), 26) Belem (Brażil), 27) Feira de Santana (Brażil), 28) Detroit, Michigan (Stati Uniti), 29) Goiania (Brażil), 30) Teresina (Brażil), 31) Vitoria (Brażil), 32) New Orleans, Louisiana (Stati Uniti), 33) Kingston (Ġamajka), 34) Gran Barcelona (Veneżwela), 35) Tijuana (Messiku), 36) Vitoria da Conquista (Brażil), 37) Recife (Brażil), 38) Aracaju (Brażil), 39) Campos dos Goytacazes (Brażil), 40) Campina Grande (Brażil), 41) Durban (Afrika t’Isfel), 42) Nelson Mandela Bay (Afrika t’Isfel), 43) Porto Alegre (Brażil), 44) Curitiba (Brażil), 45) Pereira (Kolombja), 46) Victoria (Messiku), 47) Johannesburg (Afrika t’Isfel), 48) Macaba (Brażil), 49) Maracaibo (Veneżwela), 50) Obregon (Messiku).