Lokali

25 pajjiż tal-UE b’diesel orħos milli f’Malta

25 pajjiż tal-UE għandhom prezz tad-diesel oħros minn dak f’Malta anke meta wieħed iqis it-taxxi u d-dazji li jitħallsu mill-konsumaturi.

Skont l-aħħar ċifri tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikati nhar it-Tnejn, Malta għandha t-tielet l-ogħla prezz fl-UE għad-diesel u jaqbżuha biss ir-Renju Unit u l-Iżvezja b’din tal-aħħar aktarx traħħas il-prezz tagħha tad-diesel fil-ġimgħatejn li ġejjin.

Eur Commission fuel prices 012516

L-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea turi li hemm saħansitra 17-il pajjiż li qed ibiegħ id-diesel bi prezz orħos minn €1 il-litru. Il-Polonja qed tbiegħ id-diesel għal 84.4 ċenteżmu l-litru, li hu 37.6 ċenteżmu orħos minn Malta, waqt li Ċipru raħħas il-prezz għal €1.076 il-litru, jew 14.4 ċenteżmu oħros milli f’Malta.

Il-medja tal-prezz tad-diesel fl-UE kollha hi ta’ €1.037 kull litru, li hu 18.3ċ orħos milli f’Malta.

Anke fejn jidħol il-petrol, Malta baqgħet fost l-ogħla fl-UE u bħalissa hemm 20 pajjiż mit-28 pajjiż tal-UE li qed ibiegħu l-petrol bi prezz orħos milli dak f’Malta. Jekk wieħed iqabbel il-prezz tal-petrol fil-Polonja ma’ dak f’Malta jinnota li hu 42.3ċ il-litru orħos minn dak f’Malta hekk kif qed jinbiegħ għall-prezz, bit-taxxi b’kollox, hu ta’ 89.7ċ il-litru.

Osservaturi politiċi f’Malta qed jinsistu li l-kumpanija Enemed m’għandhiex titħalla jkollha l-vantaġġ enormi li għandha fuq kumpaniji oħra f’dan is-suq f’Malta, waqt li għandhom jitħallew jibdew joperaw kumpaniji internazzjonali bħal Agip u oħrajn li fil-bqija tal-Ewropa qed joffru prezzijiet mill-iktar kompetittivi.