Lokali

3 inċidenti fatali fl-aħħar 3 xhur tal-2015

Fl-aħħar tliet xhur tal-2015 tliet persuni li kienu mexjin fit-toroq, inqatlu f’inċidenti tat-traffiku.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li fit-tliet xhur ta’ bejn Ottubru u Diċembru, l-inċidenti tat-traffiku f’Malta żdiedu b’95 fuq l-istess kwart tas-sena fl-2014. L-ikbar żieda kienet fid-distrett tal-Punent ta’ Malta imma b’kollox, id-distrett ta’ madwar il-Port il-Kbir baqa’ dak bl-iktar ammont ta’ inċidenti, b’Birkirkara fl-ewwel post, imbagħad Ħal Qormi u l-Mosta.

L-NSO qal li fit-tliet xhur imsemmija kien hemm 429 persuni midruba minħabba inċidenti tat-traffiku, 254 minnhom kienu jinvolvu lis-sewwieqa li 217 minnhom ġarrbu ġrieħi ħfief. 32 persuna oħra li ma kinux is-sewwieqa, indarbu b’mod gravi waqt li 140 oħra kellhom ġrieħi ħfief. L-NSO rrimarka li l-ġrieħi ta’ tliet persuni li kienu mexjin fit-toroq u li kienu involuti f’inċident tat-traffiku, kienu fatali.

L-NSO qal ukoll li 69.2% tal-inċidenti kienu jinvolvu karozzi tal-passiġġieri u 19.6% muturi. F’dawn it-tliet xhur, l-iktar ġurnata komuni għall-inċidenti kienet il-Ħamis imma nhar ta’ Ħadd, l-inċidenti li seħħew wasslu għal iktar persuni midruba.

Fuq bażi annwali, fl-2015 kien hemm 15,504 inċidenti, b’żieda ta’ 7.1% fuq l-2014, fejn tmint irġiel u tliet nisa tilfu ħajjithom. F’Birkirkara seħħew 7.7% tal-inċidenti kollha, imbagħad f’Ħal Qormi u l-Marsa b’5% u 4.8% rispettivament.