Fl-aħħar tliet xhur tal-2015, seħħew 3,727 inċident tat-traffiku, jiġifieri żieda ta’ 95 inċident meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel. L-akbar ammont ta’ inċidenti tat-traffiku ġraw fiċ-ċentru tal-pajjiż, b’1,450 inċident. Il-lokalitajiet li fihom seħħew l-aktar inċidenti kienu Birkirkara, Ħal Qormi u l-Mosta.
Din l-informazzjoni ħarġet minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fejn irriżulta wkoll li 69.2% tal-inċidenti kienu kkawżati minn karozzi normali, 19.6% minn muturi u 6.1% tal-inċidenti kienu kkawżati minn vetturi kummercjali.
Kawża tal-inċidenti li ġraw fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet, 357 persuna weġġgħu, b’69 minnhom weġġgħu gravi. Kien hemm ukoll tliet inċidenti fatali, tnejn li ħasdu l-ħajja ta’ żewġt irġiel u inċident ieħor li ħalla vittma mara.
Matul l-2015, seħħew b’kollox aktar minn 15,000 inċident tat-traffiku, jiġifieri żieda ta’ 7.1% fuq l-2014.
//= $special ?>

