Aġġornamenti mill-Qorti:
6.40pm: Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qalet li l-indirizzi tax-xhieda mitluba mill-Qorti kienu pprovduti korretti u attwali lill-Avukat Toni Abela fit-13 ta’ Jannar li għadda. Għaldaqstant, sostniet il-Kummissjoni Elettorali, li jingħad li l-Kummissjoni pprovdiet xi indirizzi ħżiena, hi allegazzjoni żbaljata.
3.20pm: Fix-xhieda tiegħu, Louis Fsadni kkonferma li fl-għadd tal-voti fit-tmien u t-13-il distrett kienu saru żbalji waqt l-għadda. Min-naħa tagħha, il-Qorti mmexxija mill-Imħallef Lorraine Schembri Orland iddeċidiet li l-Partit Laburista kellu żmien biżżejjed biex jipproduċi l-provi.
1.10pm: Il-Qorti qed tistenna lil Louis Fsadni biex jagħmel ix-xhieda tiegħu dwar il-każ. Madankollu, NETnews.com.mt jinsab infurmat li Toni Gellel qiegħed Għawdex u informa lill-Qorti li ma jistax jiġi Malta biex jixhed.
Aktar kmieni …
Żewġ Uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali li kellhom jixhdu ma jinstabux
Hekk kif illum qed tkompli tinstema’ l-kawża ta’ appell li l-Partit Laburista fetaħ fil-Qorti biex itawwal il-proċess li minnu l-Partit Nazzjonalista kellu jieħu żewġ siġġijiet li kienu bi dritt tiegħu, dan il-proċess issa ħa żvolta ġdida.
Dan hekk kif il-kawża kellha tiġi sospiża wara li żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali li kellhom jidhru u li kienu mħarka mill-Partit Laburista baqgħu ma dehrux. Iż-żewġ Uffiċjali inkwistjoni huma Toni Gellel u Louis Fsadni, bl-Avukat Toni Abela jispjega lill-Qorti li l-Kummissjoni Elettorali pprovdiet l-indirizzi tagħhom, iżda dawn baqgħu ma nstabux fihom.
Min-naħa tagħha, l-Imħallef Lorraine Schembri Orland issospendiet is-seduta sas-1pm u ordnat lill-Kummissarju Elettorali Ewlieni biex b’mod immedjat jagħmel kuntatt maż-żewġ Uffiċjali tal-Kummissjoni. Ordnat li kif dawn jinstabu, għandhom jitressqu l-Qorti b’mod immedjat hekk kif illum hi l-aħħar ġurnata li l-Partit Laburista għandu ċans iressaq il-provi tiegħu wara li xahar wara l-ieħor baqa’ jtawwal milli jagħlaq il-każ tiegħu.
Dwar dawn l-aħħar żviluppi, l-Avukat Paul Borg Olivier, li qed jidher f’isem il-Partit Nazzjonalista, irrimarka li b’dak li qed jingħad, jidher ċar li l-Kummissjoni Elettorali m’għandhiex l-indirizzi tal-Uffiċjali tagħha li jkunu fis-Sala tal-Għadd tal-Voti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti sostniet li l-Partit Laburista kellu l-mezzi kollha biex isib dawn ix-xhieda, hekk kif kien ingħata żmien biżżejjed biex jagħmel dan.
Fl-Awla hemm preżenti fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Rosette Thake, kif ukoll Claudette Buttigieg u Edwin Vassallo. Il-Partit Nazzjonalista qed ikun rappreżentat mill-Avukat Paul Borg Olivier, filwaqt li l-Avukati Toni Abela u Pawlu Lia qed jidhru f’isem il-Partit Laburista.
//= $special ?>

