Internazzjonali

Attakk bi grenade fuq dar għar-refuġjati fil-Ġermanja

Il-Ministru Ġermaniż għall-Ġustizzja, Heiko Maass, wiegħed passi ġodda lejn it-trażżin ta’ reati fil-konfront tal-immigranti f’pajjiżu. Dan wara li aggressur mhux identifikat waddab grenade lejn ir-residenza ta’ refuġjati li qed ifittxu kenn politiku, fil-belt ta’ Villingen-Schwenningen.

Kelliema għall-pulizija qalu li ma weġġa ħadd fl-inċident u li kienet biss ‘b’fortuna’ li l-grenade ma splodietx. Il-Ministru Maass qal li dan l-attakk jirrappreżenta ‘livell ġdid ta’ mibgħeda u vjolenza’ u sostna li qed jiddiskuti ma’ Uffiċjali oħrajn tal-Istat biex jikkoordinaw aħjar il-miżuri (fuq livell lokali u federali) biex jevitaw reati ta’ dan it-tip u biex issir il-ġustizzja mal-aggressuri.

Il-Pulizija fil-Ġermanja rrappurtat li matul is-sena li għaddiet saru ħames darbet aktar attakki fuq il-hostels għall-immigranti fil-pajjiż, milli kien sar fl-2014. Matul l-2015 seħħew total ta’ 1,005 attakk fuq ir-residenzi għall-immigranti, b’dan jipparaguna b’mod allarmanti mal-199 każ matul is-sena preċedenti. Skont ir-rapporti, l-attivisti tal-gruppi estremisti tal-lemin huma suspettati li wettqu madwar 90 fil-mija ta’ dawn l-attakki fil-Ġermanja.

Il-pulizija qalet li l-akbar żieda fl-attakki fuq il-hostels għall-immigranti, is-sena l-oħra, kienet irreġistrata fl-Istat ta’ Rhine-Westphalia, fit-Tramuntana tal-Ġermanja. L-investigaturi fil-pajjiż anki nnutaw żieda ‘fil-kummenti aggressivi kontra l-immigranti’ fuq l-Internet.

Fl-2015, rekord ta’ 1.1 miljun immigrant applikaw għal kenn politiku fil-Ġermanja, b’ħafna jkunu ġejjin mis-Sirja li hi mifnija bi gwerra. L-awtoritajiet lokali, intant, sabuha ferm diffiċli biex jipprovdu akkommodazzjoni xierqa għal dawn il-barranin.