8 priġunieri oħra infettati minn infezzjoni qawwija
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li ntemmet ftit tal-ħin ilu dwar il-mewta ta’ priġunier fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, la l-Ministru Carmelo Abela u anqas is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ma kienux kapaċi jgħidu l-ħin preċiż meta miet dan il-priġunier, li kien qiegħed ibati minn infezzjoni qawwija li ħa minn Diviżjoni Tlieta tal-Ħabs.
Kienet il-media tagħna li staqsiet b’mod preċiż il-ħin meta dan il-priġunier tilef il-ġlieda tiegħu kontra l-mewt u miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, iżda l-Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ma kellhom l-ebda ideal.
Preċedentement fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Carmelo Abela qal li dan il-priġunier kien miet waranofsinhar tal-Ħamis li għadda. Dan meta fi stqarrija maħruġa uffiċjalment mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar il-Ħamis għall-ħabta tal-11.30 a.m., kienu konfermati r-rappori minn dan is-sit li dan il-priġunier kien miet.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne ikkonfermaw id-dettalji kollha ta’ rapporti maħruġa mill-media tal-Partit Nazzjonalista u ikkonfermaw ukoll li b’kollox huma tmienja l-priġunieri l-oħra li bħalissa qed jingħataw kura għas-sintomi li għandhom ta’ influwenza qawwija – chest infection.
Ikkonfermaw ukoll li mill-Ħadd ‘il quddiem żewġ persuni kienu ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei, u eventwalment fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, wara li kienu morda serjament u minn investigazzjonijiet li saru fuqhom fl-Isptar Mater Dei instab li kellhom infezzjoni qawwija.
Ikkonfermaw ukoll li l-awtoritajiet tal-Ħabs kif ukoll id-Dipartiment tas-Saħħa bħalissa qed jieħdu numru ta’ miżuri biex dan il-mikrobu perikoluż fil-Ħabs ma jkomplix jinfirex fost aktar priġunieri u f’diviżjonijiet oħra tal-Ħabs.
Fl-aħħar żviluppi …
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni: Il-priġunier miet f’xi ħin filgħodu
… u mhux waranofsinhar, kif qal Carmelo Abela



