Internazzjonali

Iċ-Ċina: Ħaddiema tal-minjieri salvati minn taħt l-art wara 36 jum

Erba’ ħaddiema tal-minjieri Ċiniżi li damu maqbudin taħt l-art għal 36 jum kienu salvati wara ġimgħat ta’ sforzi intensivi.

Il-ħaddiema kienu qattgħu dan iż-żmien kollu fis-sitwazzjoni ddisprata wara li ċediet parti mill-minjiera tal-ġipsum, f’Jum il-Milied. Il-minjiera inkwistjoni tinsab fil-provinċja ta’ Shandong, lejn il-Lvant taċ-Ċina, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-ħaddiema ttieħdu l-isptar b’urġenza wara li ttellgħu permezz ta’ ‘kapsula’ speċjali.

Madwar 29 persuna nqabdu fil-kollass inizjali tal-mina, bi ħmistax isalvaw u talanqas ħaddiem ikun ikkonfermat mejjet. Intant, għad fadal numru ta’ neqsin fiz-zona.

L-erba’ ħaddiema salvati nstabu f’aktar minn 200 metru fond, bl-iskwadri għall-emerġenzi jistinkaw għal jiem biex jilħquhom, fejn, fost oħrajn, ħaffru ‘passaġġ’ biex ikunu jistgħu jwettqu proċedura tas-salvataġġ ewlenija. Dan waqt li l-iskwadri kienu jwasslu l-ilma lill-ħaddiema iżolati permezz ta’ borehole. Intant, it-tfittxija għall-ħaddiema neqsin l-oħra qiegħda tkompli.