Ambjent Lokali

Il-MEPA għandha tfittex tiddeċiedi kontra l-iżvilupp f’Ta’ Ċenċ

L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha twaqqaf l-iżvilupp propost f’Ta’ Ċenċ, li se jinkludi l-bini ta’ 15-il villa li jħarsu lejn ix-xena pittoreska ta’ Mġarr ix-Xini u żieda ta’ 118-il kamra f’lukanda li hemm fiż-żona.

Hekk iddikjara l-Front Ħarsien ODZ fi stqarrija, li fiha nnota kif il-Pjan Lokali bħalissa jipprojbixxi żvilupp fuq l-art li tħares fuq Imġarr ix-Xini. Barra minhekk, id-Direttorat tal-Ippjanar tal-MEPA diġà ħa pożizzjoni kontra żvilupp fl-istess żona minħabba tħassib fuq l-impatt li l-iżvilupp kien se jħalli fuq għasafar li jgħammru hemm u fuq iż-żona speċjali ta’ konservazzjoni, meqjusa f’Livell 1.

Il-Front qal li għalkemm dan l-iżvilupp issa ċkien, xorta għadu wieħed sostanzjali bit-teħid ta’ art ODZ f’żona ekoloġikament sensittiva u ta’ importanza għall-għasafar. Fakkar kif studji ekoloġiċi li saru, fosthom l-istudju dwar l-impatt ambjentali, innutaw li l-istorbju tal-kostruzzjoni u tal-operat jistgħu jnaffru lill-għasafar li jgħammru hemm.

Wara laqgħa li saret fil-jiem li għaddew ma’ rappreżentanza tal-Kunsilliera Lokali Laburisti, il-Front Ħarsien ODZ reġa’ appella lill-Kunsill Lokali Laburista f’Ta’ Sannat biex jiddikjara l-pożizzjoni kontra dan l-iżvilupp. Appella wkoll lill-Gvern biex jiddiskuti mas-sidien preżenti tal-art ħalli din tinbidel f’żona naturali mingħajr residenzi jew żvilupp ieħor.

Pajjiżna m’għadux jaċċetta żvilupp jew estensjonijiet ta’ lukandi f’żoni barra mill-iżvilupp (ODZ), sostna l-Front, li fakkar li approvazzjoni ta’ permessi bħal dawn toħloq preċedent meta l-kuxjenza dwar l-ambjent qegħda dejjem aktar tiżdied.

Għaldaqstant, il-MEPA għandha tfittex tiddeċiedi dwar din il-proposta b’tali mod li żona ODZ tibqa’ kif suppost, jiġifieri żona barra mill-iżvilupp, temmet tgħid l-istqarrija.