Fit-tmiem il-ġimgħa, bejn is-Sibt u l-Ħadd, tintlgħab l-għoxrin ġurnata tal-Kampjonat Premier hekk kif resqin lejn tmiem it-tieni rawnd ta’ partiti u l-punti fil-klassifika se jinqasmu dalwaqt. Fil-programm popolari dwar il-futbol lokali tal-Ġimgħa filgħaxija, Replay Preview illejla se jkun hemm servizzi estensivi dwar l-aħħar aħbarijiet b’rabta mas-sitt partiti li se jintlgħabu mill-Kampjonat Premier.
Il-partita tal-ġimgħa hi dik ta’ nhar il-Ħadd li ġej bejn B’Kara u Floriana li tintlgħab fl-4pm fl-iStadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali. Replay tkellem maż-żewġ kowċis rispettivi u plejers taż-żewġ naħat qabel dan id-dwell interessanti li fl-ewwel rawnd intemm fi draw ta’ mingħajr gowls.
Nhar il-Ħadd ukoll, iżda fil-Hibernians Stadium, fis-2pm il-leaders Valletta jilgħabu kontra wieħed mit-timijiet sorpriża ta’ dan il-Kampjonat Premier, Pembroke Athleta. Fl-ewwel rawnd, Pembroke taħt it-tmexxija ta’ Winston Muscat bħala kowċ, ħasdu lil Valletta b’rebħa ta’ 2-0. F’Replay Preview tal-lejla, ikun hemm ukoll intervisti mal-kowċis ta’ Valletta u Pembroke fejn jitkelmu dwar kif qed iħarsu lejn din il-partita.
Apparti dawn iż-żewġ partiti, f’Replay Preview tal-lejla ikun hemm servizzi dettaljati dwar il-bqija tal-konfronti l-oħra partikolarment il-logħba lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika bejn Qormi u Naxxar Lions li tintlgħab għada s-Sibt, fl-4:15pm fil-Victor Tedesco Stadium.
Mir-rokna popolari f’dan il-programm, ‘X’Sar Minnhom?’, illum il-presentatur Christian Micallef jitkellem mal-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti, Chucks Nwoko li fl-istorja se jibqa’ imfakkar bħala l-ewwel Niġerjan li qaleb iċ-ċittadinanza għal dik Maltija u lagħab mat-tim nazzjonali Malti.
Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija hu mwassal bl-appoġġ ta’ Twistees, McVities, Carlsberg, GasanMamo Insurance, Best Deal Properties, King of Shaves u Malta Football Players Association.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programmi Replay, li jixxandru fuq Net Television u Radio 101, wieħed għandu jidħol fil-paġna ta’ Replay fuq Facebook.
Ritratt ta’ Christine Borg.
//= $special ?>