Internazzjonali

Issuspettat dwar bomba li qerdet ajruplan Russu

Sorsi infurmati fl-Eġittu qalu li mekkanik impjegat mal-linja EgyptAir u li ‘għandu kuġin mal-ISIS’, hu ssuspettat li qiegħed bomba fuq l-ajruplan tal-passiġġieri tar-Russja li nqered waqt li kien għaddej minn fuq l-Eġittu, lejn l-aħħar ta’ Ottubru li għadda.

L-awtoritajiet fl-Eġittu, s’issa sostnew li ma sabu l-ebda provi li l-ajruplan tal-linja MetroJet kien spiċċa mira ta’ terroristi. L-ajruplan inkwistjoni, dakinar, kien qed iġorr 224 persuna meta telaq mill-ajruport ta’ Sharm el-Sheikh u ma salva ħadd fit-tiġrif li kien seħħ fil-peniżola tas-Sinaj.

Uffiċjal tas-sigurtà mal-EgyptAir, sadanittant, ċaħad li xi ħadd mill-ħaddiema mal-linja tiegħu spiċċa arrestat jew ‘jinsab taħt suspett’. L-uffiċjali mal-Ministeru għall-Intern Eġizzjan ukoll qalu li ma sarux arresti marbutin mal-każ.

Madankollu, is-sorsi infurmati – li ma ridux ikunu identifikati minħabba li għadha għaddejja l-investigazzjoni sensittiva – sostnew li l-mekkanik inkwistjoni spiċċa arrestat, flimkien ma’ żewġ pulizija tal-ajruport u ħaddiem inkarigat mill-bagalji tal-passiġġieri li hu ssuspettat li ‘għen biex il-bomba titqiegħed fuq l-ajruplan tal-Metrojet’.

Il-każ tal-ajruplan meqrud xeħet dubju fuq l-impenji tal-Eġittu biex jeqred il-militanti Iżlamiċi fi ħdanu, minbarra li affettwa ħażin lill-industrija tat-turiżmu ta’ dan il-pajjiż. Intant, is-sorsi qalu li ħadd mill-‘erba’ ssuspettati’ ma ġie pproċessat, almenu għalissa.