Waqt il-programm Xarabank, l-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon infexx f’attakk feroċi fuq l-Awditur Ġenerali u fuq il-ħaddiema fl-uffiċju tal-Awditur Ġenerali.
Michael Falzon kien qed jitkellem waqt il-programm Xarabank wara li kien sfurzat jirriżenja mill-kabinett minħabba rapport qawwi u ta’ kundanna dwar l-iskandlu Gaffarena.
Meta kien qed jitkellem, Michael Falzon iġġustifika l-mod kif ġab ruħu u għal diversi drabi nfexx f’attakk feroċi, fejn fost l-oħrajn allega li r-rapport tal-Awditur Ġenerali sar b’vendikazzjoni kontrieh.
L-Awditur Ġenerali hu uffiċju indipendenti, mwaqqaf bis-saħħa tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Apparti l-attakki fuq l-Awditur Ġenerali, Michael Falzon infexx ukoll f’attakk fuq il-media indipendenti li fl-aħħar xhur żvelat l-iskandlu Gaffarena – skandlu li fl-aħħar jiem wassal għar-riżenja ta’ Michael Falzon wara li nstab li kien hemm “kollużjoni” u sitwazzjoni fejn l-eks Segretarju Parlamentari m’aġġixxiex fl-interess tal-pubbliku.
Spikka wkoll attakk ieħor minn Michael Falzon, din id-darba fuq il-professjonisti u l-periti li kienu nvoluti fil-każ.
Mistoqsi dwar ir-riżenja tiegħu, Michael Falzon qal li politikament iħossu kburi, filwaqt li qal li se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
//= $special ?>

