Internazzjonali

Pariġi: Interrogat ir-raġel armat ‘tad-Disney park’…L-ebda ħjiel ta’ terroriżmu

Il-Pulizija kompliet bl-interrogazzjoni ta’ raġel li fil-lejl tal-Ħamis inqabad bil-pussess ta’ żewġ armi tan-nar waqt li kien fl-inħawi ta’ lukanda fit-theme park ta’ Disneyland, f’Pariġi. Madankollu ma kien indikat l-ebda skop terroristiku, bl-awtoritajiet ma jsejħux l-intervent tal-investigaturi għal kontra t-terrur.

Ir-raġel, li għandu 28 sena u jingħad li ġej mill-Ewropa, spiċċa arrestat meta għadda mill-iscanners tas-sigurtà tal-lukanda inkwistjoni. L-armi tan-nar instabu fost l-affarijiet personali tar-raġel, li kienu jinkludu verżjoni Franċiża tal-Koran.

Il-każ qed ikun investigat mill-Pulizija lokali fir-reġjun ta’ Meaux, bl-aħħar rapporti jirreferu għall-arrest, aktar tard, ta’ mara li kienet fil-kumpanija tar-raġel fil-ħin meta hu nżamm mill-qawwiet tas-sigurtà. Hi ukoll qed tgħin fl-istħarriġ tal-Pulizija.

L-ewwel indikazzjonijiet huma li r-raġel arrestat ma kellux intenzjoni li jwettaq attakk, bl-arrestat itenni ‘li kien qed iġorr l-armi għaliex kien inkwetat dwar is-sigurtà tiegħu’.

Franza, illum għadha fi stat ta’ emerġenza wara l-attakki ta’ Novembru mill-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi. L-attakki storiċi kienu ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba f’diversi zoni tal-kapitali, u l-ISIS qed isejjaħ għal aktar azzjonijiet terroristiċi kontra l-Franċiżi.

Rapporti oħra rreferew għal inċident separat fejn il-Pulizija arrestat student ta’ 15-il sena li kien qed ixejjer repliki tal-armi tan-nar f’kumpless kummerċjali, f’Boulogne-Billancourt, li hu subborg lejn il-Punent tal-kapitali Franċiża. Xi sorsi qrib il-Pulizija qalu li l-istudent kellu l-ħsieb li ‘jattira l-attenzjoni’.