Għawdex Lokali Qorti

Ryan Mercieca jippreżenta libell kontra l-gazzetta tal-GWU

Il-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista Ryan Mercieca ppreżenta libell kontra l-gazzetta tal-GWU. Permezz tal-Avukat tiegħu Roberto Montalto, Mercieca qed isostni li fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda, il-gazzetta għamlet artiklu dwaru mimli gideb, kif ukoll informazzjoni qarrieqa u malafamanti fil-konfront tiegħu.

Fi stqarrija, Ryan Mercieca qal li hekk kif il-Partit Nazzjonalista ħabbar il-kandidatura tiegħu fuq Għawdex, il-media tal-GWU bdiet kampanja biex tipprova ttappan ir-reputazzjoni tiegħu u r-rispett li jħaddan fost l-Għawdxin. Qal li s-sehem tiegħu fi kwalunkwe assoċjazzjoni u forum politiku dejjem kienu u jibqgħu għall-benefiċċju ta’ Għawdex u tal-Għawdxin.

Ryan Mercieca rrimarka wkoll li hekk kif kull Kamra tal-Aħbarijiet tara li twassal biss il-fatti, hekk qed jippretendi mill-gazzetti tal-GWU, minflok ħsara lejh jew lejn min jagħti sehemu fl-interess tas-soċjetà.

Fl-istqarrija temm tgħid li filwaqt li qed jieħu l-passi legali meħtiega biex jiddefendi ismu minn kull danni, se jibqa’ jirsisti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista biex l-ebda forma ta’ intimidazzjoni jew ingann ma twaqqaf il-ħidma tiegħu għal Għawdex.