Internazzjonali

Sejħa urġenti għall-għaqda fil-ġlieda kontra z-Zika…Irrappurtati anki każi tal-virus fil-Ġermanja

Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, qed issejjaħ biex ‘kull membru tas-soċjetà’ jgħin fil-ġlieda kontra l-virus taz-Zika, li jwassal, fost oħrajn, għat-twelid tat-trabi b’moħħ mhux-żviluppat u li qed jilħaq dejjem aktar l-istatus ta’ epidemija.

Rousseff insistiet dwar il-ħtieġa għal ‘mobilizzazzjoni nazzjonali’ għall-eliminazzjoni tan-nemus li jferrex il-virus, waqt li talbet l-għajnuna mingħand il-unions u l-gruppi komunitarji fil-pajjiż.

Filwaqt li l-Brażil qed iħeġġeġ ukoll biex il-pajjiżi Latini-Amerikani jingħaqdu fil-ġlieda kontra z-Zika, Gubio Soares, ir-riċerkatur u espert fil-viroloġija li identifika l-virus, f’April tal-2015, esprima l-inkwiet li l-firxa taz-Zika tilħaq livelli ġodda allarmanti jekk ma jitteħdux il-miżuri neċessarji.

Fi żviluppi oħra, l-uffiċjali tas-saħħa fil-Ġermanja qalu li ħames persuni f’dan il-pajjiż huma infettati bil-virus wara li, fix-xhur riċenti, żaru l-Amerika-Latina u r-reġjun tal-Karibew.

Il-viroloġisti Ġermaniżi qalu li l-ispeċi tan-nemusa Aedes aegypti, li ġġorr il-virus taz-Zika, ma teżistix fil-Ġermanja. Fl-istess ħin, xi esperti huma inkwetati li speċi ta’ nemusa oħra – Aedes albopictus – jista’ wkoll iferrex iz-Zika meta l-ispeċi inkwistjoni jinsab fi bnadi tal-Ewropa lejn in-Nofsinhar.

Sadanittant, il-President Amerikan, Barack Obama, sejjaħ għal riċerka aktar impenjata dwar dan il-virus li affettwa wkoll xi persuni li vvjaġġaw mill-Istati Uniti u l-Ewropa, u meta għalissa ma jeżistix trattament speċifiku u effettiv.

Il-Brażil hu l-aktar pajjiż li ntlaqat ħażin mill-virus taz-Zika bl-epidemija qed tħasseb ħafna lill-uffiċjali lokali. Dan meta l-Brażil, fis-sajf, għandu jorganizza l-Olimpjadi li mistennija jattiraw mijiet ta’ eluf ta’ turisti u dilettanti tal-logħob lejn Rio de Janeiro.

L-esperti wissew li, din is-sena, bejn tlieta u erba’ miljun persuna jistgħu jispiċċaw infettati biz-Zika fir-reġjun tal-Americas.

Ħafna persuni li ma jiżviluppawx sintomi tal-virus taz-Zika jistgħu jgħaddu dan il-virus xorta waħda lit-tfal tagħhom. L-Istati Uniti tittama li l-provi għal tilqima effettiva jistgħu jibdew lejn l-aħħar tal-2016, waqt li uffiċjali tal-US National Institute of Health (NIH) qalu li għandhom żewġ trattamenti potenzjali għal kontra z-Zika li għadhom fil-fażi ta’ żvilupp.