Lokali

Strajk tal-ġuħ fil-ħabs minħabba kundizzjonijiet ħżiena

Netnews.com.mt jista’ jiżvela li numru ta’ priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bdew strajk tal-ġuħ. L-aħbar ġiet konfermata minn kelliema għall-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Netnews.com.mt jinsab infurmat li l-priġunieri f’Diviżjoni 2 bdew l-istrajk tal-ġuħ illum waranofsinhar minħabba nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet tal-istess Diviżjonijiet, fosthom faċilitajiet ta’ xowers kif ukoll faċilità fejn jaħslu l-ħwejjeġ.

Il-Ministeru mmexxi mill-Ministru Carmelo Abela qal, f’risposti lil dan is-sit, li d-Direttur tal-Ħabs beda taħdidiet mar-residenti tal-istess Diviżjoni u li t-talbiet tagħhom qed jiġu evalwati.

Aktar kmieni, Netnews.com.mt għamel kuntatt mal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn tlabna biex nitkellmu mad-Direttur tal-Ħabs. Madanakollu, uffiċjal fil-‘control room’ qalilna li d-Direttur tal-Ħabs ma kienx disponibbli.