Għexieren ta’ nies, inklużi numru ta’ tfal, tilfu ħajjithom wara li dgħajsa li kienet qed twassal grupp ta’ immigranti lejn il-Greċja għerqet ‘il hinn mill-kosta tal-Punent tat-Turkija.
Uffiċjali lokali qalu li mietu talanqas 40 immigrant, b’75 oħra jkunu salvati mill-baħar. Dan waqt li l-gwardjani tal-kosta Torok komplew bl-impenji tas-search and rescue fiz-zona fejn seħħet l-aħħar traġedja konnessi man-nies li qed jippruvaw għal ħajja ġdida fl-Ewropa.
Imkejjen tal-aħbarijiet Torok qalu li d-dgħajsa inkwistjoni, twila 17 il-metru, kienet qed iġġorr almenu 120 immigrant meta nqalgħulha l-problemi, ftit ‘il barra minn mill-belt ta’ Ayvacik li mhix ‘il bogħod mill-gżira Griega ta’ Lesbos. L-awtoritajiet, intant, kienu qed jibżgħu li n-numru tal-mejtin jiżdied anki waqt li l-bugħaddasa kienu qed ikomplu bit-tfittxija għall-immigranti neqsin.
Ħafna residenti ta’ Ayvacik semgħu t-twerżiq tal-immigranti li spiċċaw f’diffikultà u, fl-aħħar sigħat, kienu qed jagħtu kull għajnuna li setgħu lill-iskwadri għall-emerġenza fl-inħawi.
Ir-rapporti qalu li almenu ħamsa mill-immigranti li mietu mgħarrqin huma tfal, waqt li numru ta’ immigranti li kienu salvati ntbagħtu l-isptar b’urġenza fejn instab li kienu qed ibatu minn effetti ta’ hypothermia. Mifhum ukoll li l-maġġoranza tal-immigranti inkwistjoni huma ta’ oriġini Afgana jew Sirjana.
Matul l-2015, ‘il fuq minn miljun refuġjat u immigrant waslu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’madwar 3,600 immigrant jitilfu ħajjithom jew jgħibu waqt il-vjaġġi. Dan wassal biex l-UE tikkunsidra s-sospensjoni taz-zona Schengen ( għall-fruntieri miftuħa) għal perjodu ta’ sentejn.
Min-naħa tagħha, Angela Merkel, li fetħet il-fruntieri tal-Ġermanja għas-Sirjani li qed jaħarbu mill-gwerra ċivili ta’ pajjiżhom, tinsab taħt pressjoni biex twaqqaf l-influss ta’ immigranti. Hi qalet li, irrispettivament mill-isforzi ta’ għajnuna, hu importanti li wieħed jenfasizza li l-immigranti qed jingħataw biss permess għal ‘waqfa limitata’ f’pajjiż bħala parti minn proċess ta’ status residenzjali temporanju.
//= $special ?>