Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON jirrapporta ‘gimmick’ oħra mill-Gvern hekk kif xahrejn wara l-inawgurazzjoni tal-waste transfer station f’tal-Kus fix-Xewkija Għawdex, għadu bla permess u mhux qed jaħdem. L-iskart kollu f’Għawdex għadu jmur fil-miżbla tal-Qortin. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar il-mewt ta’ priġunier wara li marad b’infezzjoni qawwija fil-ħabs. La l-Ministru tal-Intern Carmelo Abela u lanqas is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ma kienu jafu l-ħin meta miet il-priġunier. In-Nazzjon jirrapporta wkoll li hemm biss tabib wieħed biex ilaħħaq mal-bżonnijiet ta’ 580 priġunier li hemm bħalissa fil-ħabs.

TIMES OF MALTA jirrapporta li 25 persuna, fosthom id-diretturi tal-club PlusOne f’Paceville, mistennija jitressqu quddiem il-Qorti biex iwieġbu għal akkużi b’rabta mal-inċident f’dan l-istabbiliment f’Novembru li għadda li fih weġġgħu 74 persuna meta ċeda poġġaman tal-ħġieġ wara li kienet żviluppat rassa fid-daħla tal-istabbiliment. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar konferenza organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija li matulha ħareġ li s-sistema tas-saħħa mentali hi waħda antikwata fejn is-servizzi għandhom ikunu fil-komunita’. L-esperti jsostni li persuna tkun rikoverata fl-Isptar Mount Carmel għandha tkun l-għażla aħħarija.

THE MALTA INDEPENDENT jintervista s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, li ħadet post Michael Falzon wara li kien sfurzat jirriżenja minħabba l-iskandlu Gaffarena. Fl-intervista, Deborah Schembri qalet li r-riforma fil-qasam tal-artijiet pubbliċi se tkun l-ewwel priorita’ tagħha. Il-ġurnal jirrapporta wkoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jistenna azzjoni mid-Dipartimenti tal-Gvern sabiex jindirizzaw in-nefqa żejda li qed tiġi rappurtata mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

L-ORIZZONT jirrapporta dwar stħarriġ mill-Universitajiet ta’ Yale u Columbia li fih Malta klassifikat fid-disa’ post minn fost 180 pajjiż bħala l-iktar pajjiż “ħodor” fid-dinja. L-Environmental Performance Index kien studju mifrux fuq 15-il sena fost 180 pajjiż madwar id-dinja.