Internazzjonali

Il-familja ta’ David Bowie tiret fortuna ta’ $100 miljun

Il-mibki kantant tar-Rock Britanniku, David Bowie, li miet bil-kanċer fl-10 ta’ Jannar li għadda, ħalla warajh proprjetà u assi b’valur ta’ madwar 100 miljun dollaru Amerikan. Dan skont it-testment tiegħu li kien ippreżentat fi New York, fl-Istati Uniti.

Nofs din il-fortuna se tmur lil Iman, il-mara ta’ Bowie, li anki se jmissha r-residenza ta’ New York fejn hi kienet tgħix flimkien mal-kantant. Il-kumplament tal-wirt se jeħduhom iż-żewġ ulied ta’ Bowie.

Saret magħrufa wkoll ix-xewqa ta’ Bowie — li wara mewtu, fl-età ta’ 69 sena, kien kremat fi New York mingħajr ħafna ċerimonji — biex il-fdalijiet tiegħu jinfirxu fl-inħawi ta’ Bali, fl-Indoneżja. Dan għandu jsir waqt ritwal tal-Buddisti tradizzjonali.

It-testment ta’ Bowie tressaq f’Qorti ta’ Manhattan taħt l-isem David Robert Jones, li hu l-isem proprju tal-kantant.