Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u d-Data Personali li ċaħad ilment imressaq minn ħdax-il impjegat tal-Enemalta wara li rċevew ittra mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Is-sena li għaddiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien kiteb lill-ħaddiema tal-Enemalta dwar is-sitwazzjoni tal-Enemalta. Huwa kien kitbilhom dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta, il-bejgħ tal-impjant tal-BWSC kif ukoll dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratti li l-Gvern qed jidħol fihom mingħajr ma jagħti informazzjoni lill-pubbliku. Iżda ħdax-il ħaddiem tal-Enemalta oġġezzjonaw li rċevew ittra mingħand il-Kap tal-Oppożizzjoni u għamlu rapport għand il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kumissarju kkonkluda li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu kull dritt jibgħat l-ittra li bagħat għax kienet mibgħuta b’intenzjoni tajba meta tqis li kienet titratta dak li kien qiegħed jiġri fis-settur tal-enerġija f’dak iż-żmien.
Il-Kummissarju tenna li f’soċjeta’ demokratika, r-rwol kostituzzjonali tal-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux ikun imxekkel.
Il-Kummissarju żied li l-interess li kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni li jibgħat ittra lill-ħaddiema tal-Enemalta kellu jkun ibbilanċjat mad-drittijiet ta’ privatezza tal-ħaddiema. Il-Kummissarju qal li dan il-bilanċ intlaħaq u l-ittra tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma ħolqitx indħil żejjed fuq il-privatezza tagħhom.
F’reazzjoni għal din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni rringrazzja l-Uffċċju tal-Kummissarju tal-Informazzjoni u Data Personali għas-serjeta’ li mexa biha f’dan il-każ u qal li se jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-istess Kummissarju li jitħassru d-dettalji ta’ dawk il-ħaddiema li ma għoġobhomx jirċievu ittra mingħandu dwar dak li kien qed jolqothom fl-Enemalta.
//= $special ?>

