Lokali

Il-priġunieri morda mhux se jieklu bi protesta għall-kundizzjonijiet li qed jinżammu fihom

Grupp ta’ residenti tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin mistennija jirrifjutaw l-ikel li se jingħatalhom bħala protesta għall-kundizzjonijiet ħżiena li qed jinżammu fihom.

Minn informazzjoni li kiseb dan is-sit jirriżulta li din il-protesta qed issir mill-priġunieri li jinsabu morda b’virus li nfirex fil-Faċilita’ fl-aħħar jiem u saħansitra wassal biex żewġ persuni ttieħdu għal kura intensiva fl-Isptar, b’wieħed minnhom imut il-Ħamis filgħodu.

Jirriżulta li b’kollox hemm 14-il resident affettwat minn dan il-virus li ġew iżolati u tpoġġew f’Diviżjoni 15 bl-iskop li l-mard ikun kontrollat u ma jkomplix jinfirex.

Iżda f’din id-Diviżjoni hemm nuqqas kbir ta’ iġene u saħansitra toilet wieħed li allura jrid jinqasam minn dawn ir-residenti kollha.

Apparti minn hekk, uħud minn dawn il-priġunieri qed jinsistu li jintbagħtu l-isptar għall-kura, waqt li oħrajn saħansitra lmentaw li mhux jingħataw it-trattament.

Is-sitwazzjoni fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin qed issir waħda inaċċettabbli anke’ għal ħafna residenti oħra, b’dan is-sit jirċievi telefonati b’mod kontinwu minn qraba ta’ priġunieri jilmentaw minn trattament diżuman.