Internazzjonali

Jiżdiedu l-miżuri għall-prevenzjoni taz-Zika

L-awtoritajiet fl-Istati Amerikani taċ-Ċentru u n-Nofsinar qegħdin jittamaw li l-organizzazzjoni ta’ seminars u klassijiet li jinfurmaw lin-nies dwar il-virus taz-Zika għandhom jgħinu biex l-epidemija allarmanti tinżamm taħt kontroll.

Il-virus, li jinġarr min-nemus u jista’ jkun trasmess ukoll bl-attività sesswali, hu konness ma’ eluf ta’ każi fil-Brażil fejn it-trabi twieldu b’difetti f’moħħhom. Dan meta z-Zika hu preżenti fi 23 pajjiż u territorju fir-reġjun tal-Americas, bl-esperti jaqblu li l-virus hu partikolarment perikoluż għan-nisa tqal.

L-El Salvador, sallum, irreġistra aktar minn 6,000 każ taz-Zika f’artu u l-Gvern f’San Salvador irrakkmanda biex in-nisa ma jinqabdux tqala għas-sentejn li ġejjin.

L-awtoritajiet fin-Nikaragwa qegħdin jiffumigaw id-djar f’kampanja biex jikkontrollaw l-ammonti tan-nemus, b’miżuri simili jittieħdu fid-djar u l-bini tal-Honduras. In-nisa tqal fil-Honduras anki għaddejjin minn proċess magħruf bħala pre-screening għall-virus.

Fil-Brażil, is-siti indikati għall-Olimpjadi tas-Sajf, fil-belt ta’ Rio de Janeiro, se jgħaddu kuljum minn spezzjonijiet f’tentattiv mill-awtoritajiet biex jimminimizzaw il-virus taz-Zika. Dan meta l-epidemija qed iżżid l-inkwiet fil-Brażil u ‘l hinn minnu.