Lokali

L-inċident ta’ Paqpaqli: L-inkjesta titfa’ r-responsabbiltà fuq Paul Bailey u l-kumitat organizzattiv

Ir-responsabbiltá tal-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina hi tas-sewwieq Paul Bailey, li kien qed isuq supercar meta tilef il-kontroll tal-vettura, li baqgħet dieħla fuq in-nies.

Dan joħroġ mill-konklużjonijiet ta’ inkjesta Maġisterjali li ntemmet ftit jiem ilu, u li punti minnha ngħataw waqt press briefing għall-ġurnalisti mill-Ministru Owen Bonnici.

L-inkjesta tgħid ukoll li anke l-kumitat organizzattiv tal-attivita’ hu responsabbli għall-inċident.

Dwar is-sewwieq Paul Bailey, l-inkjesta tgħid li hu l-kawża primarja tal-inċident kien il-fatt li s-sewwieq kien qed isuq b’veloċità eċċessiva – veloċità ta’ aktar minn 170 kilometru fis-siegħa.

Dan apparti n-nuqqas ta’ esperjenza u ħila tas-sewwieq f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-vettura tiegħu. Filfatt, jirriżulta li s-sewwieq huwa dilettant, u mhux sewwieq professjonali. Bailey kien qed isuq supercar hybrid tat-tip Porsche 918 Spyder u jirriżulta li l-ebda karozza ta’ Paul Bailey ma kellha trikkeb in-nies.

L-inkjesta żżid li hemm kawżi sekondarji tal-inċident, u tipponta lejn nuqqasijiet mill-kumitat organizzattiv. Fost dawn in-nuqqasijiet hemm in-nuqqas ta’ barriers tal-konkrit, in-nuqqas ta’ Saftey Plan u Risk Assessment u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Isptar Mater Dei fuq il-miżuri li kellhom jittieħdu sabiex jipproteġu lill-pubbliku f’każ ta’ inċident.

L-inċident seħħ fl-4 ta’ Ottubru li għadda, u skont l-inkjesta weġġgħu 23 persuna – 6 minnhom b’mod gravi u 4 li spiċċaw fil-periklu tal-mewt.

L-inkjesta tgħid li kriminalment, m’hemm l-ebda responsabbilta’ fuq il-President Marie-Louise Coleiro Preca innifisha – għax hi ma kienet bl-ebda mod involuta fl-organizazzjoni tal-avveniment jew fil-laqgħat preparatorji – u kienet involuta biss sal-punt li l-avveniment sar taħt l-awspiċi tagħha u daqshekk.

Jirriżulta li l-kumitat oganizzattiv jinkludi mhux biss voluntiera iżda wkoll rappreżentanti tal-Uffiċju tal-President, fosthom persuna partikolari li minkejja li ma kelliex kariga, kienet responsabbli li tinforma lill-Uffiċju tal-President bid-deċiżjonijiet tal-kumitat organizzattiv.

Wara l-eżitu tal-inkjesta Maġisterjali, li tmexxiet mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, issa jmiss li l-prosekuzzjoni tibda l-proċess biex tressaq il-Qorti lil dawk li l-inkjesta qed tippunta subajgħha lejhom. Is-sewwieq tal-vettura Paul Bailey mistenni jiġi mgħajjat lura Malta biex jiffaċċja l-akkużi kriminali.

Dwar il-kumitat organizzattiv, magħmul minn ħdax-il persuna, għadu qed isir proċess biex ikun stabilit liema akkużi kriminali se jitressqu bihom.