Internazzjonali

Linji tal-ajru jiggwadanjaw mill-prezz taż-żejt baxx

Is-sena li għaddiet, fl-Istati Uniti, kienet karatterizzata bl-akbar qligħ għal-linji tal-ajru Amerikani f’għexieren ta’ snin. Il-qligħ enormi kien dovut għat-tnaqqis konsistenti fil-prezz taż-żejt li kien rifless fl-ispiża fuq il-jet fuel għall-ajruplani.

Fl-ewwel disa’ xhur tal-2015’ biss’, il-kumpanniji tal-linji tal-ajru Amerikani rreġistraw, maż-żmien, kważi $17.9 biljuni fi qligħ wara t-taxxa. Id-Delta Airlines irreġistrat qligħ ta’ $4.5 biljun għal sena sħiħa waqt li l-linja Southwest kellha qligħ ta’ $536 miljuni fl-aħħar tliet xhur tas-sena. Intant, United Airlines irrappurtat qligħ ta’ $823 miljun għall-istess perjodu.

Il-qligħ rekord hu marbut mat-tnaqqis drastiku fil-prezz tal-fuel li, normalment, jikkonsma madwar terz tal-ispejjeż totali ta’ linja tal-ajru. Fl-aħħar xhur, il-prezz taż-żejt mhux irraffinat ħa daqqa kbira ‘l isfel minħabba ħażniet eżaġerati tar-riżors fis-swieq globali li qed jissuperaw bil-kbir id-domanda.

Fi żviluppi oħra, l-Iran ħassar konferenza taż-żejt li kellha ssir f’Londra, ix-xahar id-dieħel u fejn l-awtoritajiet Iranjani kienu mistennija jiżvelaw id-dettalji ta’ kuntratti ġodda dwar iż-żejt u l-gass lill-investituri. L-iżvilupp jidher li kien dovut għal dawmien fil-kisba tal-visas, u skont ma’ kien ikkwotat Ali Kardor, li hu uffiċjal Iranjan ewlieni.

Kardor, il-Viċi-Kap tal-Kumpannija taż-Żejt Nazzjonali tal-Iran, qal ukoll li kumpanniji barranin, f’Mejju, se jkunu mistiedna biex jitfgħu offerti għal kuntratti (taż-żejt) ġodda.

Il-konferenza, qabel, kienet posposta ħames darbiet minħabba l-inċertezza dwar is-sanzjonijiet fil-konfront tal-Iran u li tneħħew kmieni f’Jannar bħala parti mill-ftehim bejn dan il-pajjiż u s-sitt potenzi ewlenin tad-dinja rigward l-attività nukleari ta’ Tehran.

L-Iran qed jaħseb biex iżid il-produzzjoni taż-żejt b’500,000 barmil kuljum u, ftit wara, b’500,000 barmil kuljum addizzjonali, bl-iskop li jistimola l-esportazzjoni. Dan mistenni jżid mal-abbundanza kbira taż-żejt li ilha x-xhur fattur ewlieni fis-swieq tad-dinja.