L-infermiera ta’ 52 sena minn Pembroke, li s-Sibt 23 ta’ Jannar kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq Sant Andrija f’San Ġiljan, sfortunatament tilfet ħajjitha wara iktar minn ġimgħa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Iżda minkejja dan, Marthese Zarb se tkompli tgħix fost numru ta’ persuni oħra hekk kif il-familja ddeċidiet li l-organi tagħha jingħataw lil pazjenti oħra.
Hi kienet passiġġier f’karozza ma’ żewġha, ta’ 53 sena, filwaqt li magħhom kien hemm ukoll binhom ta’ 18-il sena.
Il-karozza li kienu fiha, tat-tip Mazda 121, ħabtet ma’ karozza tat-tip Fiat Punto, misjuqa minn raġel ta’ 41 sena minn Ħaż-Żabbar. Kawża tal-inċident, Marthese u binha kienu ċċertifikati li jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom u nżammu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
48 siegħa wara l-inċident, il-kundizzjoni ta’ saħħet iben Marthese qalbet għall-aħjar u kkomunika mal-infermiera waqt li r-raġel ta’ Marthese kien operat u l-kundizzjoni tiegħu issa hi waħda stabbli.
Sfortunatament mhux l-istess seta’ jingħad għal Marthese, li mal-impatt sofriet ħsara anke’ fil-pulmun.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

