Sport Sport Ieħor

Bold Eagle jnaqqax ismu fuq l-Amerique f’ħin rekord

Misjuq minn Franck Nivard, il-Franċiż Bold Eagle rebaħ il-95 edizzjoni tal-famuża Gran Prix d’Amerique li saret ilbieraħ wara nofsinhar fil-korsa ta’ Vincennes f’Pariġi fi Franza. Sal-lum, din it-tiġrija għadha kkunsidrata bħala l-aktar waħda importanti fil-kalendarju tat-trott mondjali. Din saret fuq distanza ta’ 2,700m, kellha bidu bil-waqqaf, u b’kollox tmintax-il żiemel ġrew serkin ma’ serkin. L-Amerique kienet segwita minn madwar 40,000 spettatur.

Bold Eagle beda l-favorit nett għar-rebħ ta’ din it-tiġrija u hu kien fost l-aktar żiemel veloċi hekk kif ingħata l-bidu uffiċjali. Wara ftit metri dan mar quddiem u fetaħ vantaġġ verament żgħir minn Timoko (Bjorn Goop) u r-rebbieħ tas-sena li għaddiet, Up And Quick (Jean Michel Bazire). Bold Eagle baqa’ jiġri b’saħħtu u konsistenti sal-linja finali u bla tbatija u b’distakk ta’ tul qasam il-linja finali l-ewwel minn Timoko (Bjorn Goop) u t-Taljan Oasis Bi (Pierre Vercruysse). Akim Du Cap Vert (Franck Anne) tewmm fir-raba’ pożizzjoni.

B’hekk Bold Eagle kkonferma li hu fost l-aktar żwiemel veloċi fid-dinja u ta’ kull zmien. Hu rnexxilu jirreġistra medja ta’ 1.11.4″ fil-kilometru li hu wkoll rekord ġdid ta’ din it-tiġrija. Minn naħa l-oħra għal Nivard dan kien ir-raba’ suċċess personali fl-Amerique. B’hekk dan is-sewwieq fl-aħħar snin irnexxilu jwassal għal dan is-suċċess mhux biss lill-leġġendarju Ready Cash iżda anki lill-ibnu Bold Eagle li verament qiegħed jimxi fuq il-passi ta’ missieru. Barra dan, Bold Eagle sar il-ħmistax-il żiemel fl-istorja tal-Amerique li rnexxilu jirbaħ din it-tiġrija fl-eta’ ta’ ħames snin.

Bold Eagle huwa imħarreġ minn Sebastien Guarato u hu proprjeta’ tal-Franċiż Pierre Pilarski.