Lokali

Il-kuntratt ta’ Sai Mizzi jista’ jerġa’ jiġġedded

Sa’ Awissu li ġej, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi se tkun irċeviet aktar minn €468,000

Il-kuntratt tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi jista’ jerġa’ jiġġedded għal terminu ieħor u jekk Sai Mizzi turi x-xewqa li jsir dan, tista’ tinnegozja pakkett aħjar. Dan ġie żvelat mill-ġurnal The Malta Independent.

Il-mara tal-Ministru qed taqla’ aktar minn €13,000 fix-xahar mit-taxxi tal-pubbliku biex taqdi l-irwol ta’ mibgħut speċjali ta’ Malta f’Shanghai.

Skont The Malta Independent, it-terminu attwali ta’ Sai Mizzi beda f’Awissu 2013 u jiskadi f’Awissu li ġej, iżda jista’ jkun imġedded fl-aħħar ta’ Frar għal terminu ieħor.

Kemm ilha taqdi dawn ir-rwol, Sai Mizzi dehret biss darba Malta fejn f’kummenti lill-media kienet qalet li m’għandiex linja tat-telefon fl-uffiċju tagħha f’Shanghai.

Ħafna kkritikaw il-Gvern għall-fatt li Sai Mizzi qed tirċievi salarju astronomiku mingħajr ma ġġib l-ebda riżultati lejn pajjiżna. Madanakollu l-Gvern kien ftaħar li Sai Mizzi kellha rwol kruċjali biex f’pajjiżna se tiġi l-kumpanija Ċiniża Huawei.

Madanakollu, minn meta tħabbru d-dettalji dwar il-Huawei lura f’Lulju li għadda, reġa’ ma nstema xejn.

The Malta Independent tinnota li sal-aħħar tal-kuntratt f’Awissu li ġej, il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi se tkun irċeviet aktar minn €468,000.

joseph muscat sai mizzi

Ritratt: Sai Mizzi mal-Prim Ministru Joseph Muscat: Ħadd ma jaf fiex wasal l-investiment tal-Huawei f’Malta