Fil-ġranet li għaddew f’Baku, il-kapitali tal-Ażerbajġan, marret delegazzjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).
Dan dwar il-possibbiltà li l-pajjiż jingħata għajnuna finanzjarja b’sorsi jindikaw li l-Gvern ta’ Baku qed ifittex għajnuna ta’ madwar tliet biljun dollaru.
Samir Sharifov, il-Ministru tal-Finanzi tal-Ażerbajġan, qal ukoll li l-Gvern kien qed jikkunsidra li jirrevedi l-Baġit. Dan minħabba l-prezz baxx li bih qed jinbiegħ iż-żejt li hu sors ewlieni ta’ dħul għall-pajjiż.
Il-Gvern tal-Ażerbajġjan jiddependu fuq il-bejgħ taż-żejt u gass għal madwar 75 fil-mija tad-dħul tiegħu u l-prezz preżenti taż-żejt wassal għal problemi serji għall-ekonomija tal-Ażerbajġan.
Sharifov insista li l-pajjiż ma kellux bżonn urġenti ta’ self imma dan kien jgħin l-ekonomija f’dan il-mument minħabba l-prezzijiet baxxi li hawn.
Jidher li l-Gvern tal-Ażerbajġan qed jippjana li jitlob l-IMF għal self ta’ tliet biljun dollaru u biljun ieħor mill-Bank Dinji.
L-IMF ikkonferma li kien f’diskussjonijiet mal-Bank Dinji dwar għajnuna finanzjarja lill-Ażerbajġan minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra tal-ekonomija.
L-Ażerbajġan ifittex għajnuna finanzjarja
