Lokali

L-iskandlu Gaffarena huwa l-bidu tat-tmiem tal-Gvern ta’ Joseph Muscat – Simon Busuttil

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu Gaffarena huwa l-bidu tat-tmiem tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Dikjarazzjoni qawwija li saret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta dalgħodu kien qed jindirizza folla numeruża fl-uffiċju tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun.

Filwaqt li fisser kif ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu Gaffarena huwa prova mill-aktar ċara tal-mod kif dan hu l-aktar Gvern korrott fl-istorja, Simon Busuttil irrimarka li r-rapport huwa kundanna kbira, li juri li l-moviment ta’ Joseph Muscat mhux vera jaħdem għal-lealtà lejn il-pajjiż.

Ir-rapport dwar l-iskandlu Gaffarena wassal biex l-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon kien sfurzat jirriżenja mill-kariga.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa jekk il-Prim Ministru kienx jaf bid-deal ta’ Gaffarena u saħaq li jekk kien jaf bid-deal skandaluż, mela allura għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika hu wkoll.

Simon Busuttil staqsa kif jista’ jkun li Joseph Muscat ma kienx jf li l-Gvern kien se jagħti bi tlett miljun ewro fi flus u propjeta’ lill-Gaffarena.

Kien hawnekk fejn Simon Busuttil indirizza direttament lil Joseph Muscat u sfidah biex jerfa’ r-responsabbiltà, jew inkella biex iċedi r-responsabbiltà jekk mhux kapaċi jmexxi Gvern nadif.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għall-attakk feroċi minn Michael Falzon fuq l-Awditur Ġenerali meta dan kien qed jitkellem waqt il-programm Xarabank. Dwar dan, Simon Busuttil ikkritika lill-Prim Ministru, li ma’ ġurnal lokali ddefenda dan l-attakk.

Staqsa wkoll x’inhi r-raġuni li Michael Falzon kien sfurzat jirriżenja filwaqt li Ian Borg għadu Segretarju Parlamentari – meta anke dwar Ian Borg inħareġ rapport mill-Awditur Ġenerali li jikkundannah.

Simon Busuttil temm id-diskors tiegħu b’appell lill-pubbliku biex jieqaf għal din il-korruzzjoni kollha, ġejja mill-aktar Gvern korrott fl-istorja, u li għaliha qed iħallas il-poplu kollu. Wiegħed l-Partit Nazzjonalista se jkun impenjat li jnaddaf il-politika darba għal dejjem.

Ikkummenta