Lokali

L-Uffiċju tal-Prim Ministru jiddefendi l-attakk feroċi minn Michael Falzon fuq l-Awditur Ġenerali

Skont l-Uffiċju tal-Prim Ministru, Michael Falzon “kien qed jiddefendi lilu nnifsu” meta nhar il-Ġimgħa nfexx f’attakk feroċi fuq l-Awditur Ġenerali. Dan ġie rappurtat mill-gazzetta The Times of Malta.

Waqt il-programm Xarabank, l-eks Segretarju Parlamentari Michael Falzon iddeskriva r-rapport tal-Awditur Ġenerali bħala “porkerija” u “pastażata”, filwaqt li allega li kien hemm “vendetta politika” minnu.

F’kummenti ma’ The Times, l-Uffiċju tal-Prim Ministru qal li Falzon kien qed jiddefendi ruħu. Mistoqsi jekk jagħmilx tiegħu din il-kritika minn Michael Falzon, l-Uffiċju tal-Prim Ministru qal li l-Gvern ma kellux intenzjoni li jattakka lill-Awditur Ġenerali – dan minkejja li fl-ebda ħin ma kien hemm kundanna għal dak li qal Micheal Falzon.