Lokali

SWINE FLU FIL-ĦABS: L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija lesta tieħu passi jekk saħħet il-Pulizija tiġi injorata

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta, l-MPA, talbet lill-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija u l-awtoritajiet konċernati kollha biex minnufih tittieħed azzjoni u jittieħdu l-prekawzzjonijiet kollha neċessarji biex jiġi evitat li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jkunu esposti għall-iSwine Flu.

Dan fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat fl-aħħar jiem, jiġifieri li fl-isptar Mater Dei ddaħħlu priġunieri morda bl-iSwine Flu.

L-Assoċjazzjoni rrimarkat li huma ħafna dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkollhom jaħdmu fil-qrib ta’ dawn il-persuni u allura jkunu qed jesponu lilhom infushom għall-periklu li jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq saħħithom, kif ukoll, fuq saħħet il-familjari tagħhom.

L-MPA qalet li se tkun qed issegwi l-kwistjoni mill-qrib u lesta li tieħu azzjoni jekk saħħet il-Pulizija tiġi injorata.

Jumejn ilu, wieħed mill-priġunieri li kien rikoverat fl-isptar Mater Dei miet minħabba infezzjoni qawwija. Dan minkejja li kien qed jingħata trattament mediku fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Dan il-priġunier kien iddaħħal l-isptar wara li kien marid serjament f’Diviżjoni Tlieta tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.