Lokali

Wara battalja ta’ emozzjonijiet… missier jerġa’ jingħaqad ma’ ibnu

Mument ta’ ferħ għal Anthony Busuttil, missier Adam Busuttil, li wara battalja ta’ emozzjonijiet reġa’ ngħaqad ma’ ibnu wara tfittxija ta’ ġimgħat. L-istorja bdiet f’Diċembru li għadda meta omm it-tifel ħarbet bih waqt li l-familja kienet għal btala fil-belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka.

Adam u missieru, akkumpanjat mill-avukati tiegħu, irritornaw Malta lbieraħ għall-ħabta tal-11 p.m. f’titjira minn Frankfurt kif ikkomunikat mir-rappreżentanti legali tal-missier. Jidher li t-tifel kien interċettat qrib il-fruntiera hekk kif qed jiġi allegat li l-omm kienet se tivvjaġġa bih. Pass li kien ifisser li t-tifel jintilef legalment għal dejjem kieku ġara hekk.

Lura f’Diċembru, il-missier kien esprima id-dieqa tiegħu għall-fatt li ma kienx jaf fejn se jagħti rasu. Hu qatta’ ġimgħat fi Praga f’battalja legali biex jipprova jġib lil ibnu lura.

Anthony Busuttil u s-sieħba tiegħu Larisa Leontieva u binhom kienu marru flimkien fi Praga għal btala qasira li matulha Larisa kellha tkompli b’xi proċeduri biex tikseb iċ-ċittadinanza Maltija meta f’jum minnhom, qabdet u telqet ‘il barra bit-tifel b’kollox.

Minnufih, hu kien mar jagħmel rapport lill-Pulizija f’waħda mill-għases tal-Pulizija fi Praga iżda kollox irriżulta fin-negattiv.

Fl-aħħar ta’ Diċembru l-missier u l-avukati tiegħu marru Praga iżda wara numru ta’ ġranet ġew lura Malta mingħajr it-tifel, fejn f’kummenti lill-medja kienu ilmentaw li minkejja li kienu sabu lit-tifel, dan ma setax jinġieb lura Malta wara li l-omm kienet marret bih f’għassa tal-Pulizija.

Dan minkejja sentenza tal-qorti li kienet iddeċidiet li l-missier għandu jkollu l-kustodja sħiħa tat-tifel.