Lokali Qorti

Żewġ Libjani l-Qorti wara ġlieda fis-Swieqi

Żewġ Libjani baqgħu jinżammu taħt arrest meta dalghodu tressqu Qorti wara li lbieraħ kienu involuti fi ġlieda fis-Swieqi li ħalliet Libjan fil-periklu tal-mewt, li iżda fortunatament qaleb għall-aħjar.

Skont rapporti fil-media, il-ġlieda kienet motivata politikament bejn gruppi rivali li jappoġġjaw lill-Gvern ta’ Tobruk u l-Gvern ta’ Tripli fil-Libja.

Zouhir Elfezqa ta’ 31 sena, residenti is-Swieqi tressaq quddiem il-Magistrat Neville Camilleri akkużat b’attentat ta’ qtil u li kkawża feriti ta’ natura gravi fuq Wadea Al Maghri.

Ftit wara tressaq Mohammed Abdul Hafid Abukem, Libjan ukoll ta’ 21 sena li kien akkużat li prova jwettaq ġrieħi gravi fuq Elfezqa, li żamm persuna kontra l-volonta tagħha u wkoll li kellu fil-pusess tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta.

Il-Qorti ordnat li l-Libjani jinżammu taħt arrest, b’mod partikolari minħabba l-biża’ li jkun hemm intimidazzjoni fil-konfront tax-xhieda u li tista’ tkun imbagħbsa l-evidenza.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-ispetturi James Grech u Elton Taliana.