Omm ta’ 31 sena u tlett itfal ta’ għaxra, seba’ u tliet snin, kif ukoll tarbija ta’ seba’ xhur, huma fost diversi persuni li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura wara nar li ħakem appartament fi blokka tal-Gvern fi Triq Ħal Luqa f’Ħal Tarxien.
Jirriżulta li kollox beda ftit qabel il-5pm, aktarx minħabba ‘shortcircuit’ fil-kamra tas-sodda, bin-nar jinfirex immedjatament fl-appartament.
Fil-post waslu immedjatament ammont kbir ta’ Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’ħames karozzi tat-tifi tan-nar, li bdew jevakwaw lill-familja milquta u lir-residenti tal-madwar, hekk kif id-duħħan beda jinfirex malajr.
Sa minn qabel waslu l-Uffiċjali, Surġent tal-Pulizija u wieħed mir-residenti kienu diġà ppruvaw jidħlu fl-appartament. Fil-post waslu wkoll numru ta’ Ambulanzi, b’numru ta’ residenti jidhru jingħataw l-ossiġnu għall-ammont ta’ duħħan li belgħu.
Persuni li kienu fil-post spjegaw lil NETnews il-mumenti ta’ tensjoni u paniku, hekk kif ħafna mir-residenti skoprew x’qed jiġri mill-għajjat fil-blokka tal-appartamenti. Kien hawn li ħafna bdew joħorġu jiġru fit-triq, fejn inġemgħet folla nies, bil-Pulizija javżaw lill-pubbliku biex jikkoperaw mal-Uffiċjali.
L-inċident wassal għal traffiku qawwi fl-inħawi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, hekk kif it-telgħa ta’ Triq Ħal Luqa sar-roundabout tax-Xintill ingħalqu għall-vetturi.
//= $special ?>

