BLOGS

Artifiċjalità li tostor il-ħażin

“NAO deems this collusive action highly inappropriate” – Kundanna kategorika għat-tmexxija ta’ Joseph Muscat, l-amministrazzjoni tiegħu, l-uffiċċju tal-Prim Ministru u tad-Dipartiment tal-artijiet. L-akbar skandli li seħħew f’dawn l-aħħar tliet snin mhumiex ġrajja ta’ tliet ijiem; seħħew propju taħt imnieħer il-Prim Ministru li jxommhom il-ħin kollu għaddejjin.

Muscat għandu d-diżunur li hu l-ewwel Prim Ministru wara l-Indipendenza li żamm id-dipartiment tal-artijiet taħt is-setgħa tiegħu, l-aktar dipartiment li ħarġu skandli u fejn Kastilja hi miżgħuda b’korruzzjoni. Il-Prim Ministru b’dawn in-nuqqasijiet ta’ trasparenza qed jiswa’ il-miljuni: €10 miljun lill-Australia Hall, Cafe Premier, tal-Każin Laburista fis-Siġġiewi li kellu jsir Day Centre għall-anzjani, meta tela’ l-Azerbaijan bla esperti u tellef lil Malta €14-il miljun, ksur tal-liġi tal-BOV, fil-każ tal-GWU, iż-Żonqor u ta €4 miljun lil Gaffarena – kollha jġorru l-firem ta’ Muscat. Verament il-ħuta tinten minn rasha!

Importanti li l-Prim Ministru jirrealizza, li fl-ewwel nofs tal-leġislatura t-tgħaffiġ u t-taħwid li sar kien enormi. Dak li ħareġ u li qed jiġi żvelat huma kollha “tip of the iceberg”. Pero’ joħroġ ċar li hemm iffangar sfrenat, b’sitwazzjonijiet fejn jaqgħu u jqumu mil-liġijiet. Jekk Muscat jgħajjat bi dmir storiku – nistqarr li ħadem għaġina bin-nies – frodist ibiegħ oġġett skadut lil xi ħadd illi forsi dak il mument ma fehmx. Kwistjoni ta’ appointments f’ċertu postijiet fis-servizz pubbliku, fl-awtoritajiet u poġġa n-nies puppets tiegħu. Għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għal kull appointment kien ipoġġi nies kompetenti li jifhmu fis-suġġett u jaqdu lill-pajjiż u mhux l-interess tal-gvern innifsu.

Fuq dawn il-kwistjonijiet daqstant ċari ghall-oppożizzjoni u għal kulhadd, il-Prim Ministru kaxkar saqajh xahar wara xahar fejn l-ovvju kien mill-bidu nett. Fi kliem iehor aġixxa hekk għax kien kostrett u mhux għax jemmen fiha. Għal din il-kriżi ta’ korruzzjoni hemm il-poplu Malti u Għawdxi li qed iħallas; b’ħela u sparpaljar ta’ miljuni li tberbqu għal xejn. Mhux ta’ b’xejn l-awditur f’kull sentenza ta’ kull paġna tefa’ akkuża serja ta’ ħabi. L-istess awditur isemmi li kien hemm il-korruzzjoni bejn iċ-ċivil, segretarjat biex seħħ dan kollu.

Issa drajna inzommu kelmtna u nroddu dak kollu li wiegħdna qabel l-elezzjoni. Il-Prim dejjem ma’ xi ħadd partikolari u jmur direttament ma’ min irid jaħdem miegħu biss. Din hija l-politika ta’ diċenza li rridu f’pajjiżna? U xi ngħidu għal komplicita’ mhux xierqa murija bi ksur ċar fil-prinċipji fundamentali ta’ tmexxija mhux tajba, trasparenti u ġusta?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr. Simon Busuttil sostna li jeħtieġ tinqata’ linja sabiex l-affarijiet jimxu b’mod differenti fejn il-poplu jistà jserraħ moħħu u mhux miexi fuq it-tbażwir. L-Oppożizzjoni qed tieħu azzjoni meta tara lill-gvern ta’ Muscat f’attitudni ta’ xejn mhu xejn u jara kif iparpar bis-sitwazzjonijiet tedjanti li jġib b’idejh stess.

Iż-żgħir għandu vuċi daqs il-businessman jew jlaqqat il-ġenb? Kemm ser inkomplu nżebilhu l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi? Il-poplu jafdalek il-poter Premier Muscat u l-Ministri tiegħek jagħlqu l-bieb f’wiċċ il-Laburist ġenwin! Laburisti juru ċar u tond li huma mdejqin u mbarazzati mill-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u l klikka tiegħu. Hemm nuqqas ta’ etika u mġieba retta fl-istandards tal-gvern fejn qata’ l-irjus ta’ bosta u mliehom il-mod tiegħu. Irridu pajjiż fejn jiddetermina fil-quċċata bl-eżempju ta’ tmexxija retta!

Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd, 31 ta’ Jannar 2016.
Maria Portelli hi Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-13-il Distrett (Għawdex) – mariaportelli.pn@gmail.com