Basketball Sport

BASKETBALL: Logħba fi Franza għal referee lokali

Matul din il-ġimgħa, ir-referee nternazzjonali tal-basketball Bernard Vassallo se jerġa jkun impenjat f’partita fl-Ewropa.

Fil-fatt, għada Vassallo se jmur Franza fejn se jkun involut fil-partita valida minn Grupp A tal-FIBA Euro League li se tintlagħab fil-Palacium Arena ġewwa Lille bejn it-tim ospitu Lille, li bħalissa għandhom ħames rebħiet fil-grupp, u c-champions Slovakki Kosice li għandhom tliet suċċessi fl-istess grupp A.

Vassallo kien ferm impenjat dan l-istaġun bil-kontroll tal-logħba ta’ din il-ġimgħa tkun l-għaxar partita nternazzjonali għalih mill-bidu tal-istaġun ewropew f’Ottubru.

Fl-ewwel round, ġewwa Kosice, Lille rnexxielhom jiksbu rebħa ta’ 60-55 wara l-ħin barrani hekk kif Lille u Kosice kienu spiċċaw 50-50 wara l-ħin regolamentari.

Bħala uffiċjali għall-partita ta’ din il-ġimgħa, minbarra Vassallo, se jkun hemm Ivan Milicevic (Bosnija) u Aleiksander Syryzsa (Belarus).