Filmat: Jikkonferma li miet b’varjant tal-virus H1N1 (Swine flu)

Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ikkonferma li l-priġunier li miet fl-Isptar Mater Dei il-ġimgħa li għaddiet miet bil-virus H1N1 magħruf bħala Swine Flu. Madanakollu ippreċiża li dan il-virus issa ilu magħna għal dawn l-aħħar sitt snin u l-varjanti tiegħu m’humiex iktar perikolużi mill-influwenza staġjonali.

Minħabba li dan il-virus qed ikunu meqjus bħala varjazzjoni tal-influwenza staġjonali, ma hemmx lok ta’ arranġamenti speċjali bħalma huma containment fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei

Is-Segretarju Parlamentari qal li ma jeskludiex li mill-ġimgħa l-oħra ‘l hawn setgħu mietu iktar persuni kawża ta’ din l-influwenza iżda dawn l-imwiet m’humiex barra min-norma ta’ persuni li jkunu maħkuma mill-influwenza f’dan iż-żmien tas-sena u li sfortunatament uħud minnhom jispiċċaw imutu kawża tagħha

Chris Fearne spjega li l-virus tal-influwenza jinbidel minn sena għall-oħra. Meta jkun hemm varjazzjoni kbira, bħall-2009 bil-virus H1N1 li kien magħruf bħala swine flu, dan ipoġġi iktar sfidi fuq is-sistemi tas-saħħa. Madanakollu, f’dawn l-aħħar snin, kien hemm varjazzjonijiet żgħar ta’ dan il-virus li ma jirrikjedux iktar miżuri milli jittieħdu s-soltu mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-istaġun tal-influwenza.