Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jweġibx fuq l-anzjani li twaqqfilhom il-Homehelp

Il-Ministru Michael Farrugia jibqa’ jinħeba wara t-tweġiba li l-informazzjoni għadha qed tinġabar

Il-Ministru Michael Farrugia jibqa’ jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet diretti u ċari, u ma jagħtix informazzjoni dwar anzjani li twaqqfilhonm is-servizz tal-Homehelp minkejja li d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ressaq diversi mistoqsijiet bit-tweġiba ma tingħata qatt u bil-Ministru jibqa’ jgħid li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Nhar l-Erbgħa fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia jintervjeni biex mistoqsjiiet parlamentari li saru darba, darbtejn, tlieta u saħansitra erba’ darbiet lill-Ministru Michael Farrugia jitwieġbu u ma jibqax ma jagħtix l-informazzjoni mitluba u jgħid li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Mistoqsijiet ripetuti bil-Ministru jibqa’ jwieġeb li l-informazzjoni għadha qed tinġabar
Is-sena li għaddiet, il-Ministru Michael Farrugia ma weġibx mistoqsijiet parlamentari dwar it-tibdil fl-operat tal-Aġenzija Appoġġ. Lanqas ma wieġeb mistoqsija parlamentari dwar id-djar residenzjali għal persuni b’diżabbiltà u l-konsultazzjoni li saret dwar standards għal dawn id-djar residenzjali.

L-istess Ministru Farrugia lanqas ma ta informazzjoni dwar kemm kienu l-anzjani li twaqqfilhom il-Homehelp fil-lokalitajiet tal-Belt, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar.

Is-Sedja ma tistax tintervjeni fuq il-kontenut tat-tweġibiet tal-Gvern għall-mistoqsijiet parlamentari
Fir-ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia llejla għat-talba tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, intqal li s-Sedja m’għandha ebda awtorità fuq il-kontenut tat-tweġibiet, u ma tista’ tagħmel ebda impożizzjoni dwar il-kontenut tar-risposti quddiem ordnijiet permanenti tal-Kamra li huma siekta fuq il-kontenut ta’ kif jitwieġbu l-mistoqsijiet parlamentari.

Spjega wkoll kif il-Parlament Malti jsegwi l-istess prattiċi li jsegwu Parlamentari oħrajn tal-Commonwealth bħalma hu l-Parlament Ingliż, Kanadiż u ta’ New Zealand.