Lokali Parlament

Il-Ministru Dalli ma taf xejn dwar x’sar mill-investiment li Muscat ftaħar li nġieb minn Sai Mizzi

Il-Ministru Helena Dalli ma kellhiex informazzjoni dwar l-investiment f’Malta mill-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Huawei, li ntqal b’ħafna pompa mill-Gvern ta’ Muscat li nġieb mill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi f’Malta.

Fil-Parlament illejla, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni, Beppe Fenech Adami, staqsa lill-Ministru Helena Dalli meta kienet qed titkellem fuq Digital Malta Strategy, tispjega u tgħid fiex wasal l-investiment tal-kumpanija Huawei f’Malta, kemm qed timpjega nies din il-kumpanija u jekk l-uffiċċju ta’ din il-kumpanija fi Smart City għadux magħluq.

Meta kien imħabbar dan l-investiment b’ħafna pompa mill-Gvern f’Lulju li għadda, il-Prim Ministru Muscat kien qal li l-mara tal-Ministru Mizzi, li qed tingħata mill-Gvern salarju ta’ €13,000 fix-xahar, kienet strumentali biex jinġieb dan l-investiment f’Malta.

Iżda fil-Parlament, il-Ministru Helena Dalli ma kellha ebda informazzjoni u talbet lil Beppe Fenech Adami jagħmel il-mistoqsijiet bil-miktub.