Lokali

Il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuels mhux jagħmluna kompetittivi

Il-prezzijiet tal-enerġija bħalissa, kif ukoll il-prezzijiet tal-fuels, qed inaqqru mill-kompetittività ta’ Malta. Meta l-prezz tal-enerġija u tal-fuels jorħsu f’pajjiżi kompetituri u f’Malta jibqgħu l-istess, pajjiżna jaqta’ lura.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara lill-GRTU, li matulha ppreżenta d-Dokument tal-Partit “Ekonomija għan-Nies”, fejn qabel ukoll mas-sejħa tal-GRTU li l-kontijiet tad-dawl għandhom jorħsu bi 30%.

Fl-introduzzjoni tiegħu, il-President tal-GRTU Paul Abela faħħar lill-Oppożizzjoni għal dan id-Dokument li jolqot diversi aspetti tal-Ekonomija u fih proposti dwar oqsma li l-GRTU ilha tisħaq dwarhom. B’mod ġenerali, il-GRTU temmen li x-xogħol għandu jagħmlu l-Privat, filwaqt li l-Gvern għandu biss jidħol f’oqsma regolatorji u ta’ policy.

Fil-laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Paul Abela rrefera wkoll għal diversi suġġetti oħra, fosthom dwar il-burokrazija, dwar il-kompetizzjoni u dwar it-trasport, kif ukoll dwar l-aċċess għall-finanzjament, fejn staqsa għaliex prodott jiġik id-doppju biex tibgħatu milli biex tirċevieh bil-posta. Qal li l-GRTU ma nesietx il-kwistjoni tal-prezz tad-dawl, tant li għadha tinsisti li dan għandu jorħos bi 30%.

Min-naħa tiegħu, Simon Busuttil qal li d-Dokument “Ekonomija għan-Nies” jitratta 20 settur ta’ prijorità, li wħud minnhom issemmew mill-President tal-GRTU. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-Gvern qed jippretendi li għax raħħas il-kontijiet b’25%, issa kulħadd għandu jagħlaq ħalqu. Madankollu, l-għajta tal-GRTU li l-kontijiet għandhom jorħsu bi 30% hi ġustifikata meta l-prezz internazzjonali waqa’ b’75% u pajjiżi kompetituri qed igawdu minn prezzijiet ta’ enerġija u fuel li huma orħos.

Simon Busuttil sostna li d-Dokument tal-Partit Nazzjonalista hu wieħed miftuħ u, b’differenza tal-Partit Laburista, il-proposti tal-Partit Nazzjonalista se jkunu pubbliċi mal-ewwel u mhux ħames ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali.