Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ President tal-FIFA Gianni Infantino ħabbar li jekk ikun elett hu mhux se jaħtar persuna oħra mill-Ewropa fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-FIFA, anzi jrid li din il-persuna tkun mill-kontinent Afrikan.
L-Iżvizzera ta’ nisel Taljan li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-UEFA qal li jekk ikun elett fl-elezzjoni tas-26 ta’ Frar, l-ewwel ħaġa li jagħmel hu li jimla l-vojt ta’ Jerome Valcke li kien imkeċċi mill-FIFA.
“Irrid li jkollna bibien miftuħa fil-FIFA u l-amministrazzjoni tagħha, u għalhekk nemmen li s-Segretarju Ġenerali m’għandux ikun mill-ewropa”. Infantino kien qed jitkellem il-bieraħ f’Londra fejn se jiltaqa’ mal-membri tal-FA.
Infantino qal li sa mit-twelid tagħha fl-1904 il-FIFA kellha għaxar Segretarji Ġenerali u dawn kienu kollha mill-kontinent Ewropew.
“Għaliex m’għandux ikun Afrikan” sostna Infantino.
Kandidat favorit għal din il-kariga, dejjem jekk ikun elett Gianni Infantino, huwa Hicham El Amrani, is-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni Afrikana.
Infantino l-bieraħ qal ukoll li hu rċieva theddid għal ħajtu minħabba l-ġlieda ħarxa li l-UEFA qed tagħmel kontra l-korruzzjoni fil-futbol.
“Irċevejt theddid fuq ħajti u l-familjari tiegħi minħabba li l-UEFA qed tiġġieled bil-qawwa kollha kontra l-irranġar ta’ logħbiet. Il-pulizija fil-fatt qed tiskorta lit-tfal tiegħi minħabba dan it-theddid” temm jgħid Gianni Infantino.
//= $special ?>